Select Page

Restoranti, skejjel u l-ajruport magħluq, laqgħat imħassra u quddies ma setgħux isiru aktar fil-knejjes. Anzjani u dawk in-nies kollha li huma vulnerabbli ġew imħeġġa u obbligati jibqgħu d-dar. Kumpaniji li setgħu jisfruttaw is-sistema tat-teleworking bdew jgħidu lill-impjegati biex jaħdmu mid-dar. Stay safe stay at home saret il-mantra li kont tisma’ xħin kont tixgħel it-televiżjoni b’mod partikolari fix-xhur bejn Marzu u Ġunju li għadda.

F’temp ta’ ġurnata ħajjitna nqalbet ta’ taħt fuq. Bħal donnu tpoġġiet bomba li ħadd ma seta’ jinduna biha u jaraha u f’daqqa waħda din splodiet u farrket il-ħajja li konna nafu u li konna mdorrijin ngħixu qabel. L-arja kienet tinħass tqila bit-tensjoni, ansjetà, biża’ u inċertezzi. Ma stajtx nimmaġina kif ħa ngħix mingħajr il-ħajja soċjali. Ħassejt li parti minni tqaċċqtet u mietet, għalija din hi l-pulmun li ttini nifs ġdid, meta ngħeja u nħossni li nkun qed nifga d-dar nara l-istess uċuħ. Li naħdem mid-dar, ukoll m’għenitx għax kieku naħdem barra mid-dar niltaqa’ ma’ xi kollegi, imma hekk il-kuntatt uman inqatagħli totalment.

Niskanta kif il-folja tinqaleb. Fejn qabel kont niġi kkritikata li kont inkun dejjem fuq facebook, għax ma jkollix x’nagħmel. Issa l-maġġoranza tan-nies ġiet bħali għax inkella ma nkunux in touch ma’ x’qed jiġri fid-dinja. Biex inżomm ruħi okkupata qed naqra ħafna aktar, qed nitgħallem l-Ispanjol u bdejt nikteb ktieb ukoll.

Madanakollu, issa ħafna mir-restrizzjonijiet qed jitneħħew, bdejna noħorġu u nissoċċjaliżżaw aktar. Qisu l-virus f’daqqa waħda sparixxa, tgħid għax issa ħafna minna ħadna l-booster u allura beda jaħdem? Jew għax qegħdin f’nofs kampanja elettorali, u allura bħal donnu l-Covid warrab min-nofs biex ma jtellifx liż-żewġ partiti ewlenin mill-kampanji elettorjali tagħhom?

Ma nafx x’inhi eżatt ir-raġuni, imma minn ħaġa waħda jien ċerta, li n-nies għadhom jimirdu bil-Covid. Saħansitra għad hawn min jidħol l-isptar u jmut b’dan il-misħut virus. Jiġifieri dan il-virus għadu magħna, għalkemm qed nippruvaw ninjorawh. Wisq nibża’ li ħa jerġa’ jqajjem rasu u jerġa’ jeħdilna l-libertà li ksibna dal-aħħar.

Jekk il-pandemija affettwatni f’kollox, fir-rigward tax-xogħol ma affettwatnix, għax minħabba d-diżabilità tiegħi kif diġà għidt dejjem ħdimt bit-teleworking. Anzi jkolli nistqarr li kont bdejt inħossni li sirt parti min-norma u ma bqajtx minoranza. Imma rajt ħafna posts fuq facebook u nies igergru li ma jistgħux jidraw jaħdmu mid-dar jew li m’għandhomx post adattat minn fejn jaħdmu.

Min bata u għadu jbati bis-solitudni bħali, għax kollox sar b’mod virtwali onlajn u allura kompla naqqas il-ftit kuntatt li kellu soċjalment, u min jieħu gost għax ħeles mill-problema tat-traffiku. Min jeqred li qed jeħxien bil-pasti u l-kejkiet li beda jsajjar u min beda jieħu gost li issa kellu aktar ħin għalih innifsu u biex igawdi n-natura ta’ madwarna. In-natura li sakemm domna msakkrin ġewwa djarna reġgħet ħadet ftit ruħ u ġedded lilha nnifisha.

Imma ma jistax jingħad l-istess fuq in-natura tal-bniedem. Qisu l-bniedem meta jibda jieħu r-ruħ u jibda jara xaqq ta’ dawl f’tarf il-mina, f’dan il-każ qed nirreferi għas-saga tal-Covid, jara x’se jivvinta, issa r-Russja invadiet l-Ukrajna.

L-ansjetà u t-tensjoni qed terġa’ tiżdied fost iċ-ċittadini Ewropej, għax jista’ jkun li ninsabu fuq l-għatba tal-gwerra! Nitolbu u nittamaw li le, għax gwerra qatt ma ħalliet ġid, ħsara u tifrik ma’ kullimkien iġġib biss.

Hekk ngħid bejni u bejn ruħi, kif imma l-bniedem ma jitgħallimx mill-istorja passata tiegħu? Daqskemm ingħaqadna l-popli tad-dinja kollha u ħriġna għonqna għal xulxin fil-bidu tal-pandemija, x’ġara issa biex ir-Russja ddeċidiet li tattakka? Jalla, almenu li bejnietna l-Maltin ikomplu jsaltnu s-sliem u l-għaqda li kien hawn fil-bidu tal-Covid u ma nħallu xejn jifridna!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks