Select Page

Id-daħq huwa duwa għad-dwejjaq

Ħafna għandhom lill-maħbubin tagħhom miżmuma f’xi dar tal-anzjani biex ikollhom min idur bihom il-ħin kollu. Minkejja dan uħud minnhom jaqbadhom id-dwejjaq f’xi ħin jew ieħor. Zararti tagħti s-sehem tagħha biex tagħmel differenza lil dawn l-anzjani.

Zararti Malta Cultural Association (ZMCA), li hi għaqda volontarja ta’ artisti u atturi, ilhom iżjed minn 10 snin jagħmlu xi kummiedja fuq il-palk tal-istitut San Vinċenz de Paul. Ir-residenti dejjem ikunu ħerqana ħalli jgawdu l-istorja u jidħqu xi daħqa biċ-ċajt li jgħidulhom l-atturi komiċi.

Din is-sena ZMCA kienet qiegħda tħejji l-kummiedja, Il-Birthday Party, li Gino Muscat Azzopardi kien kiteb fl-1947. Meta waslu biex itellgħuha fuq il-palk ta’ San Vinċenz qalulhom li minħabba l-Covid 19 ikun aħjar li għalissa ma jidħlux qalb ir-residenti tal-istitut.

F’kuntatt li għamilna ma’ Narcy Calamatta, il-president ta’ ZMCA, qalilna li madanakollu huwa ħaseb li tkun ħela jekk iħassru kollox u ddeċieda li minflok, jiffilmaw ir-reċta kollha biex l-anzjani xorta waħda jkunu jistgħu jsegwuha.

Narcy qalilna li teknikament mhux faċli li tiġbed reċta ta’ 45 minuta bla waqfien u ma tkunx tista’ tirranġa xi żball. Iżda l-atturi kienu ilhom 6 ġimgħat jagħmlu l-provi u kienu jafuha tajjeb.

Narcy Calamatta kien diġà dderieġa verżjoni ta’ din il-kummiedja fl-1971. Skont hu biex udjenza moderna tiftakar kif kienu jitkellmu, jew jilbsu l-Maltin f’dak iż-żminijiet jinħtieġ li turihom kollox qishom qed jaraw film tal-epoka bil-black and white. Għalhekk qatagħha li jagħmel ix-xeni u l-għamara l-istess kuluri mill-iswed għall-griż għall-abjad. L-atturi kellhom ukoll l-irtokk b’dawn it-tliet kuluri. Qisek qed tara film tal-epoka ta’ qabel il-Gwerra.

It-tema hija id-differenza fis-soċjetà ta’ min għadu kif jagħmel xi ftit flus bil-Gwerra w allura jippoża ta’ sinjur tal-borgezija jew klassi għolja u dawk li għomorhom kollu dejjem bil-għaqal kollu jġemmgħu l-flus li jaqilgħu bl-għaraq ta’ ġbinhom u jibqgħu lura fis-soċjetà.

Fl-aħħar jasal il-messaġġ illi l-mistednin tal-pepè li jiġu għall-festin li jagħmlu Gianninu u martu Liza għat-tifla tagħhom Louise, kollha huma foloz u xaħħiħin. Iżda z-ziju Saver u z-zija Ġiżwarda, xjuħ raħħala u maħmuġin jaslu bla ma jkunu mistednin, biex jgħidu lil Gianninu li se jiktbulu l-ġid tagħhom kollu fit-testment.

Narcy qalilna li din hija parabbola tipika ta’ Gino Muscat Azzopardi u jinsab ċert li l-anzjani żgur se jieħdu pjaċir biha la jarawha. Il-Malta Arts Council qiegħed jgħin lil Zararti biex itella’ erbgħa minnhom dawn il-kummiedji.

L-intenzjoni hi illi meta jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 l-atturi ta’ Zararti jkunu jistgħu jmorru fid-djar tal-anzjani biex idaħkuhom xi ftit u jneħħulhom xi ftit dwejjaq.

Tista’ ssegwi l-kummiedja permezz tal-filmat t’hawn taħt:

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks