Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Żewġ imgħaref żejt taż-żebbuġa

340g rump steak

Basla kbira, imqatta’

340g għaġin rigatoni

Mgħarfa butir

125ml inbid abjad

125ml stokk taċ-ċanga

Nofs mgħarfa bżar iswed sħiħ

Żewġ sinniet tewm, mgħaffeġ

200g faqqiegħ imqatta’ slajsis

Kuċċarina mustarda

200ml krema friska

Żewġ imgħaref tursin imqatta’

Metodu:

  • Poġġi taġen fond fuq nar għoli u ħallih jisħon.
  • Roxx il-melħ fuq il-laħam u għorku b’imgħarfa taż-żejt taż-żebbuġa.
  • Poġġi l-laħam sħiħ fit-taġen u aqlih għal 3 minuti fuq kull naħa.
  • Neħħi l-laħam mit-taġen u warrbu mgħotti bil-fojl.
  • Saħħan iż-żejt li fadal fit-taġen, imbagħad żid il-basla. Ħalliha ssir fuq nar baxx waqt li tipprepara l-għaġin.
  • Għalli borma bil-misħun, kif jagħli itfa’ mgħarfa melħ u żid l-għaġin. Sajjar sakemm isir al-dente, jiġifieri jibqa’ ftit iebes.
  • Waqt li l-għaġin ikun qed isir, kompli lesti z-zalza.
  • Żid in-nar taħt it-taġen li qed taqli l-basla fih għal medju. Żid il-butir u l-faqqiegħ imqatta’. Sajjar sakemm il-faqqiegħ jieħu kulur dehbi.
  • Żid l-inbid abjad, ħawwad sew u ħallih itektek għal ftit minuti.
  • Ladarba l-inbid ikun naqas bin-nofs, żid l-istokk taċ-ċanga, il-bżar iswed, it-tewm, il-mustarda u l-krema friska. Ħallih itektek imbagħad naqqas in-nar għal baxx.
  • Sadanittant l-għaġin ikun sar. Irriżerva tazza ilma minn tat-tisjir tal-għaġin u mbagħad saffi l-għaġin.
  • Neħħi t-taġen taz-zalza minn fuq in-nar sakemm issaffi l-għaġin.
  • Żid l-għaġin maz-zalza flimkien ma’ kwart ta’ tazza ilma tat-tisjir.
  • Poġġih lura fuq nar baxx u ħawwad biex tgħaqqad.
  • Qatta’ l-laħam fi strixxi rqaq u mbagħad żidha mat-taġen flimkien ma’ kwalunkwe meraq tal-laħam li jkun inġabar fuq il-platt.
  • Jekk hemm bżonn żid ftit aktar ilma tat-tisjir tal-għaġin biex iz-zalza ma tiġix magħquda wisq.
  • Ħawwad sew u servi bi ftit tursin u ġobon fil-wiċċ.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks