Select Page

Bosta artisti lokali urtati wara li lbieraħ filgħaxija l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalita tal-Ħajja u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli għamlet rimarki dwar il-fatt li Julie Zahra hija wkoll kantanta waqt dibattitu politiku bejniethom fil-programm XTRA fuq TVM.

Il-Ministru u kandidata tal-Partit Laburista Julia Farrugia Portelli qalet lil Julie Zahra “Hawnhekk m’aħniex qegħdin fuq palk inkantaw”.

Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Julie Zahra weġbitha li apparti li l-kant huwa parti mill-istorja tagħha, kienet qed twaqqa’ għaċ-ċajt lill-artist.

B’reazzjoni għal dan, l-MEIA esprimiet is-solidarjetà sħiħa tagħha mal-artisti kollha u kkundannat kummenti dispreġġjattivi li jippruvaw iżebilħu l-professjoni jew il-vuċi tal-artist lil hinn mill-arti tiegħu.

L-MEIA qalet li tkun mara, kantanta u attiva fil-politika mhuwiex xi diżunur filwaqt li saħqet li għandna bżonn ħafna aktar artisti li jwasslu leħinhom f’dak li jemmnu u inqas politiċi li jitkellmu dwar il-professjoni fl-arti b’diżrispett.

Żiedet tgħid li ironikament fiż-żminijiet tal-pandemija huwa aktar faċli li tkun politiku fuq palk milli tkun artist tagħmel xogħol fuq palk.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks