Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy tella’ filmat tiegħu fl-uffiċċju tiegħu fi Kyiv it-Tnejn filgħaxija, l-ewwel darba li deher hemm minn meta bdiet l-invażjoni fl-24 ta’ Frar.
“Ninsab fi Kyiv. Fl-uffiċċju tiegħi. M’iniex nistaħba. U ma nibża’ minn ħadd.”
President tal-Ukrajna
Fid-diskors tiegħu, Zelenskyy qal li huma ma jibżgħux mill-armi u mit-tankijiet tal-gwerra, għaliex jinsabu fuq in-naħa tal-verità.
Huwa qal li jinsab determinat li pajjiżu jirbaħ din il-gwerra u ladarba dan iseħħ, jerġgħu jibnu kollox mill-ġdid u jagħmlu l-bliet li qed jiġu meqruda fl-invażjoni aħjar minn kull belt fir-Russja.
Huwa ta indikazzjoni wkoll li fit-tielet rawnd ta’ taħdidiet li sar ilbieraħ reġa’ ma ntlaħaqx ftehim għaliex filwaqt li qal li jixtieq jgħid li dak kien it-tielet u l-aħħar rawnd, huwa saħaq li se jkomplu jitkellmu u jinsistu biex jintlaħaq il-ftehim mixtieq għall-paċi.
