In-Nazzjonijiet Uniti rreaġixxiet għall-bumbardamenti fuq sptar f’Mariupol u qalet li l-isptarijiet tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u l-ħaddiema tas-saħħa m’għandhom qatt ikunu mira fi gwerra.

Filwaqt li appellat għall-waqfien immedjat tal-attakki fuq il-kura tas-saħħa, sptarijiet, ħaddiema tal-kura tas-saħħa u ambulanzi, in-NU qalet li l-kriżi umanitarja fl-Ukrajna qed tkompli tiddetorja b’rata mgħaġla.

Intant, s’issa l-WHO ivverifikat 18-il attakk fuq faċilitajiet tas-saħħa, ħaddiema tas-saħħa u ambulanzi, inklużi għaxar imwiet u 16-il persuna midruba.

Il-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li iktar minn 2 miljun ruħ telqu mill-Ukrajna u l-WHO qed tappoġġja lill-pajjiżi ġirien biex jipprovdu kura tas-saħħa lir-refuġjati, li ħafna minnhom huma nisa u tfal.

Tedros qal li wħud mill-isfidi ewlenin tas-saħħa li qed jaraw huma ipotermja, frostbite, mard respiratorju, nuqqas ta’ trattament għal mard kardjovaskulari u kanċer, u kwistjonijiet ta’ saħħa mentali. Professjonisti mill-WHO intbagħtu f’pajjiżi ġirien biex jipprovdu sapport għas-saħħa mentali u psikosoċjali.

Żied jgħid li l-organizzazzjoni tat 81 tunnellata metrika ta’ provvisti lir-reġjun u qed taħdem biex tistabilixxi pipeline biex tikseb provvisti għall-faċilitajiet tas-saħħa.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks