Imut ir-raġel li twaħħlitlu qalb ta’ ħanżir għall-ewwel darba fid-dinja.
David Bennett, li kellu marda terminali tal-qalb, baqa’ ħaj sa xahrejn wara l-operazzjoni li saret fl-Istati Uniti, iżda l-kundizzjoni tiegħu bdiet tmur għall-agħar f’dawn l-aħħar ġimgħat u r-raġel ta’ 57 sena miet fit-8 ta’ Marzu.
Bennett kien jaf ir-riskju marbuta ma’ dan l-intervent mediku iżda kien pass li ried jieħu bit-tama li jtawwal iż-żmien ta’ ħajtu.
It-tobba fiċ-Ċentru Mediku tal-Università ta’ Maryland ingħataw permess speċjali mir-regolatur mediku tal-Istati Uniti biex iwettqu l-proċedura, fuq il-bażi li Bennett, li ma kienx eliġibbli għal trapjant uman, kieku kien imut.
Hu kien diġà ilu bedridden sitt ġimgħat qabel l-operazzjoni, b’magna li kienet qed iżżommu ħaj.
Il-kawża preċiża tal-mewt ta’ Bennett għadha mhix ċara. Ir-riżultati tal-investigazzjonijiet li qed isiru se jiddeterminaw kemm aħna qrib iż-żmien fejn jibdew jintużaw organi ta’ ħnieżer biex isolvu n-nuqqas globali ta’ organi tat-trapjant.
