B’differenza mis-soltu, illum se nkunu qed niskopru aktar dwar il-persuna li normalment tkun hi li tagħmel il-mistoqsijiet fl-intervisti li nwasslu fuq skoperta.net!

Permezz ta’ din l-intervista esklussiva se niskopru aktar fil-fond dwar Roberta Magri, u l-ħajja personali tagħha!

Kulħadd jafek bħala d-direttriċi u l-editriċi tas-sit skoperta.net. Imma Roberta, eżattament min hi? U kieku kelli ngħidlek tiddeskrivi lilek innifsek fi 3 kelmiet xi jkunu?

Din dejjem tkun mistoqsija diffiċli għalija għax għalkemm ngħid ħafna, u nikteb ħafna, imma meta niġi biex nitkellem dwari neħel ftit.

Jien mara ta’ 31 sena, xogħli kulħadd jaf x’inhu! Għandi tifla sufija b’erba’ saqajn li nħobb immens, jisimha Kikka. Il-passjonijiet tiegħi huma l-ġurnaliżmu, il-kitba, id-drama u l-mużika, però jien persuna li nħobb l-arti kollha inġenerali. Snin ilu, kont inpinġi wkoll, imma ilni ftit ma nipprattika. Jien ukoll persuna li ninteressa ruħi f’kollox, anki f’dak li forsi ma tantx ikun jolqotni jew nifhem fih, inħobb nitgħallem ħafna.

Ma tantx għad għandi ħin għall-passatempi imma meta kelli aktar ħin liberu, kont inħobb naqra u nara sensiliet kemm lokali kif ukoll barranin! Għalkemm il-ħin liberu naqasli ħafna nipprova nara episodju kuljum, għax huwa l-uniku ħin fejn moħħi jistrieħ ftit. Huwa l-uniku ħin fejn nirrilassa ftit u nidħol f’dinja oħra, però dan il-ħin ikun tard ħafna u nispiċċa nara nofs episodju biss għax tmur għajnejja bija!

Nipprova ngħix ħajti bl-aħjar mod possibbli, inpoġġi lil dawk li nħobb qabli dejjem u f’kollox, u nipprova nagħmel differenza pożittiva jekk jista’ jkun kuljum.

Niddeskrivi lili nnifsi bi tliet kelmiet, iebsa wkoll din! Forsi…sensittiva, determinata u misterjuża.

Xi tgħidilna fuq it-tfulija tiegħek? Kif kont tmur l-iskola u x’suġġetti kienu l-aktar għal qalbek?

It-tfulija tiegħi kienet sabiħa u diffiċli. Sabiħa għaliex kelli mumenti sbieħ u għandi memorji sbieħ ħafna tat-tfulija speċjalment ma’ membri tal-familja li sfortunatament m’għadhomx magħna.

Min-naħa l-oħra kienet diffiċli ħafna għaliex kont wisq magħluqa fija nnifsi. Din kienet waħda mir-raġunijiet li ma kontx inħobb l-iskola fil-fatt. Dejjem għamilt ix-xogħol tal-iskola sew imma ma kont inħobb xejn li hu relatat mal-iskola għall-fatt li jekk jista’ jkun kont naħrab min-nies mhux inkun qalb in-nies. Però dan ftit nies kienu jafuh, u xorta kont immur sew l-iskola.

Bħala suġġetti, il-Malti minn dejjem kien jogħġobni ħafna, l-IT, l-Ingliż, l-arti u għal xi żmien kienet togħġobni wkoll il-matematika, fil-primarja però! Qabel ma beda jitqal!

X’baqa’ miegħek mill-iskola sal-lum il-ġurnata? X’ostakli kont issib akkademikament u soċjalment biex tintegra mat-tfal l-oħra?

Jien nemmen li dak kollu li titgħallem, minn kullimkien, mhux skola biss, jibqa’ dejjem miegħek. Ovvjament ħafna minn dak li tgħallimt mill-iskola, partikolarment dak akkademju, għadu miegħi sal-lum minkejja li jien skola għamilt sas-sekondarja biss.

Ovvjament komplejt nibni fuqu, għax dejjem għatxana biex nitgħallem kemm nista’ u dan għamiltu mhux minn skola, jew università imma billi nagħmel riċerka jien, infittex u nistaqsi. Jiġifieri dak li naf illum akkademikament, nafu għax minbarra dak li tgħallimt l-iskola bqajt nitgħallem waħdi, u minn sorsi u nies differenti, u għadni nagħmel hekk sal-lum! Fil-fatt, illum inħoss li nħobb nitgħallem ħafna aktar minn meta kont l-iskola.

Bħala ostakli, akkademikament ftit li xejn kien hemm. L-unika ħaġa kienet li kont nieħu ftit aktar ħin fit-tul biex nikteb imma dik ma kinitx ostaklu għax dejjem kien hemm soluzzjoni għaliha.

Soċjalment, l-ostaklu minni stess kien ġej minħabba li kont magħluqa fija nnifsi u allura kienet diffiċli ħafna għalija biex nikkomunika u nintegra, imma dejjem min-naħa tiegħi kienet il-problema. Qatt ma kelli problemi min-naħa ta’ tfal oħra, anzi ħafna drabi kienu jargumentaw bejniethom min se joqgħod miegħi fil-brejk xorta, minkejja li jekk kont ngħid erba’ kelmiet kienu jkunu ħafna għalija!

Int, fl-artiklu li kont ktibt f’għeluq is-sena ta’ dan is-sit, semmejt li kellek qoxra li ma stajtx toħroġ minnha. Tista’ tgħidilna x’tip ta’ qoxra kienet u taħseb li d-diżabilità kkontribuxxiet għal din il-qoxra?

Il-qoxra li kont fiha kienet ġejja mill-fatt li kif għidt, kont magħluqa fija nnifsi, stima leja nnifsi baxxa ħafna u allura nuqqas ta’ kunfidenza fija nnifsi, mistħija żżejjed. Sinċerament ma nafx ngħidlek jekk id-diżabilità kinitx parti mill-kawża, jista’ jkun li xi ftit iva però jien qatt ma tajtha importanza d-diżabilità, dejjem warrabtha daqslikieku ma teżistix, mhux għax m’aċċettajthiex imma għax mhijiex l-identità tiegħi. Dejjem hekk kont naħsibha.

Li niftakar li kienu jaffettwawni, f’età żgħira, il-mumenti li kien ikolli niffaċċja fejn kien ikun hemm persuni b’ċerta mġiba, adulti u tfal jiċċassaw leja pereżempju. Dik iva kienet taffettwani ħafna, imma l-bqija ma niftakarx mument f’ħajti fejn iddejjaqt bid-diżabilità jew xtaqt li ma kontx il-persuna li jien minħabba d-diżabilità.

Ħafna jgħidu li jsibuha diffiċli jaċċettaw id-diżabilità tagħhom, jien onestament qatt ma sibtha diffiċli u naħseb ir-raġuni hi li qatt ma poġġejtha fiċ-ċentru ta’ ħajti. Dejjem ħarist lejha u kkunsidrajtha bħala sfida f’ħajti. Jien Roberta, mhux persuna b’diżabilità, id-diżabilità hija biss sfida f’ħajti, u allura dik naħseb għenitni biex kull sfida oħra li kelli u li jkolli, ma narahiex bħala waħda kkawżata mid-diżabilità imma għax l-isfidi huma parti mill-ħajja ta’ kull individwu.

Kull persuna tiffaċċja sfidi differenti f’ħajjitha.

Kif irnexxielek toħroġ minn din il-qoxra? X’għenek l-aktar biex toħroġ minnha, id-drama, il-kitba jew it-tnejn li huma?

Definittivament id-drama għenitni immens! Id-drama tagħtik l-opportunità li tinbidel f’karattru ieħor u tidħol f’dinja oħra. Tgħinek ukoll tesprimi emozzjonijiet differenti.

Il-proċess beda però, meta ta’ 14-il sena, għamilt operazzjoni tal-iscolioses, operazzjoni kbira ta’ 12-il siegħa u kelli nagħmel ħafna xhur rikoverata d-dar, kelli nieqaf mill-iskola wkoll fil-fatt, u f’dak iż-żmien bdejt niskopri d-dinja tal-internet permezz ta’ chatrooms li bdejt nidħol fihom. Minn hemmhekk imbagħad, għall-ewwel darba f’ħajti bdejt nikkomunika u nintegra ma’ persuni ta’ kull età onlajn.

L-ewwel pass kruċjali kien imma meta wara sena nġib kull skuża biex nevita milli niltaqa’, għalkemm kont xtaqt ħafna, xi ħbieb li kont għamilt onlajn irnexxielhom jikkonvinċuni biex niltaqa’ magħhom. Kien l-ewwel pass għall-fatt li għall-ewwel darba mort niltaqa’ ma’ nies li għalkemm kont nafhom sew onlajn, qatt ma kont iltqajt magħhom, u waħdi! Fejn is-soltu meta kont niltaqa’ ma’ xi ħadd kien ikun hemm ommi u nħalli lilha titkellem, din id-darba kont waħdi, bilfors jien ridt nitkellem.

Ngħidu kollox, ma kontx ħadtilhom rashom! Dak kien biss l-ewwel pass, imma xorta kont għadni ħafna u ħafna ‘l bogħod mill-persuna li jien illum.

Iva, id-drama għenitni, l-esperjenzi li kelli tad-drama u l-kors li attendejt tal-Freespirit. Il-fatt li bħala sfida miegħi nnifsi ddeċidejt li nkun persuna pubblika wkoll għeni ħafna.

Kif ħassejtek l-ewwel darba li ntgħatajt iċ-ċans li tirreċta fuq it-televiżjoni?

Eċitata ħafna u ferħana ħafna wkoll. Niftakarni nistaqsi lili nnifsi jekk kontx se nkun kapaċi nagħmilha, imma ridt nagħmilha u għamilt ħilti kollha biex nagħti l-aħjar tiegħi. Għalkemm ħadt sehem drabi oħra wara, l-ewwel esperjenza tibqa’ wisq speċjali.

L-ewwel esperjenza tiegħi kienet fis-sensiela f’Salib it-Toroq. Ħabiba tal-qalb tiegħi Lorraine Degiorgio kienet tkellmet dwari mal-kittieb tas-sensiela, Frederick Zammit, u kien ħoloq xena fejn nidħol jien. Ma kellix karattru partikolari, pjuttost kelli nkun jien bħala Roberta għaliex ix-xena kienet tinvolvi lili niġi wiċċ imb’wiċċ ma’ wieħed, li minħabba inċident, kellu jibda juża s-siġġu tar-roti u ma setax jaċċetta din il-konsegwenza, u jien kelli nkun speċi l-ispirazzjoni tiegħu. Il-parti tar-raġel kienet interpretata minn Ivan DeBattista, li llum huwa wieħed mill-aktar persuni importanti f’ħajti, u kelli wieħed mill-aqwa diretturi li għandna Malta, Charles Stroud. It-tnejn li huma għamluli l-esperjenza speċjali wisq.

Dejjem ngħid, li għalkemm kienet xena ta’ ftit sekondi biss, kienet l-aktar waħda li ħalliet impatt fuq il-pubbliku, kont irċevejt rispons qawwi wara li dehret fosthom kien hemm persuni li kienu għaddejjin minn sitwazzjoni simili tax-xena li għamilna.

Esperjenza unika mill-bidu sal-aħħar.

Ġrat xi ħaġa partikolari dakinhar?

Ġraw tnejn. Waħda tad-daħk u l-oħra sentimentali.

Il-filming tax-xena kien ġo sptar, u fil-ħin li konna hemm aħna, kien hemm skiet taqtgħu b’sikkina, lanqas tisma’ l-iċken ħoss. Kif eżatt wasalt, kollni eċitament, u ovvjament mistħija u ħafna emozzjonijiet oħra, ilqatt bin li ma kontx indunajt bih! Tista’ timmaġina f’dak is-skiet perfett, f’daqqa waħda jinstema’ l-bin jinqaleb! Xejn ma għenet fil-mistħija! Imma kienet tad-daħk fl-istess ħin.

L-oħra kienet li xħin lestejna x-xena, eżatt kif id-direttur tana s-sinjal li lesti, l-attur li kelli x-xena miegħu, Ivan, qam u għannaqni. Dik it-tgħanniqa tant kienet ġenwina u sentimentali li dak il-mument għadni ngħożżu sal-lum.

Tara li hawn nuqqas ta’ għarfien f’dan is-settur tad-drama fejn jidħlu persuni li jużaw is-siġġu tar-roti?

In-nuqqas ta’ għarfien nemmen li qiegħed f’kull settur, però iva naħseb li għandu jkun hawn aktar persuni li jagħtu opportunitajiet bħal ma sibt jien u jinkludu aktar persuni li verament jużaw is-siġġu tar-roti.

Min-naħa l-oħra però, id-drama, bħal kollox, hija passjoni. Mhix xi ħaġa li tqum filgħodu u tgħid kemm nixtieq nirreċta jew nidher fuq it-televixin u tippretendi li tingħata opportunità. Hija xi ħaġa li tkun ġo fik u li trid taħdem għaliha.

Nemmen li li l-opportunitajiet għandhom jingħataw lil min verament iqis id-drama bħala passjoni, irrelevanti jużax siġġu tar-roti jew le.

Roberta fis-sensiela Santa Monika

X’tixtieq tara jitjieb fil-qasam tad-diżabilità?

L-aċċessibilità żgur, għaliex hija kwistjoni li sfortunatament sal-lum għadha teżisti!

Nixtieq ukoll li jinqatgħu darba għal dejjem skejjel, djar u għaqdiet li jpoġġu lil nies f’kategorija waħda li tmur assolutament kontra l-inklużjoni. Nifhem li hawn min isib l-għajnuna u dak li jkollu bżonn f’dawn l-iskejjel, id-djar u għaqdiet, imma fl-opinjoni tiegħi m’għandux ikun hekk. Għaliex wieħed għandu jgħix jew ifittex l-għajnuna f’post fejn hu maħluq speċifikament għal kategorija ta’ nies?

Dawn oriġinaw minn mentalità żbaljata, mentalità li ġejja minn żmien fejn in-nies kienu jitpoġġew f’kategoriji għalihom anke jiġu eżiljati. Fl-opinjoni tiegħi din il-mentalità rridu nkissruha għal kollox biex verament inkunu nistgħu ngħixu f’dinja inklussiva.

Jien nemmen li l-inklużjoni tibda mill-eżempju ta’ min suppost jaf aħjar, inkluż persuni b’diżabilità. Personalment, mindu kont żgħira, qatt ma ridt inkun parti minn għaqdiet bħal dawn.

Kemm-il darba ppostajt fuq id-dehra tiegħek. Kemm tħoss li d-dehra tgħinek biex tħobb u taċċetta lilek innifsek kif int? X’differenza tħoss fik meta tapplika il-make-up u meta ma tagħmilx?

Jien nemmen li meta tidher tajjeb, tħossok tajjeb. Inħoss li hu importanti li wieħed jieħu ħsieb id-dehra tiegħu, ovvjament kulħadd bil-mod tiegħu.

Mhix id-dehra li tgħinek tħobb u taċċetta lilek innifsek, imma tgħinek tkun aktar kunfidenti u komda, u dan iġiegħlek tħossok tajjeb.

Jien inħossni ħafna aħjar meta nagħmel il-makeup, dwiefer u forsi xi blowdry! Meta kont iżgħar, ma kontx noħroġ u niltaqa’ ma’ xi ħadd bla makeup, u dik ma narahiex xi ħaġa tajba lanqas. Illum m’għadnix daqshekk, imma xorta xi ftit makeup għall-inqas, anki jekk mhux komplut, inkun irrid nagħmel inkella ma nħossnix komda.

Int għamilt ‘il fuq minn 100 intervista. Kien hemm xi waħda li tgħid din ħa nibqa’ niftakarha għomri kollu?

Hemm aktar minn waħda. Kull intervista li nagħmel tkun speċjali b’mod differenti għax f’kull waħda jkun hemm ħin u dedikazzjoni involuti, imma mbagħad ikun hemm oħrajn li joħorġu aktar interessanti u jkunu aktar għal qalbi.

Fost l-aktar għal qalbi, hemm ta’ Peppi Azzopardi. Mindu bdejt dan ix-xogħol, jiġifieri madwar 4 snin ilu, kelli xewqa li xi darba nintervistah għaliex minbarra li huwa espert fil-linja ta’ xogħli, huwa bniedem interessanti, bravu, dedikat u ġenwin ħafna. Minkejja li hemm diversi kwistjonijiet li ma naqbilx miegħu dwarhom, nirrispettah u nammirah ħafna. Allura meta bdejt skoperta.net, u avviċinajtu għal intervista, apprezzajt u ħadt gost immens li aċċetta mill-ewwel. Għalija kienet kisba u tarġa oħra f’xogħli.

L-intervista li Roberta għamlet lil Peppi Azzopardi

Hemm ukoll tal-attriċi Gertrude Borg Marks, li minbarra li hija attriċi mill-aqwa u waħda mill-ħbieb li huma l-aktar qrib tiegħi u li nħobb ħafna, kienet tkellmet pubblikament għall-ewwel darba dwar esperjenza personali tagħha. Kienet intervista li ħalliet impatt għaliex Gertrude ispirat u tat tama lil ħafna nies li għaddejjin mill-istess esperjenza. L-emozzjoni li tħoss meta tkun taf li intervista ħalliet impatt daqshekk pożittiv, ma nistax niddeskriviha!

Però kif għidt, hemm ħafna aktar intervisti oħrajn għal qalbi u li nibqa’ niftakar.

Fl-opinjoni tiegħek, x’inhu l-akbar attribut tas-suċċess ta’ dan is-sit Skoperta?

Ċertament il-kontenut, ir-rispett u l-fatt li huwa pjattaforma li jagħti vuċi lin-nies.

Minbarra l-aġġornamenti ta’ dak li jkun qed jiġri fil-mument, u hemm ukoll importanti li l-aħbar tiġi mwassla b’mod korrett u ġust, importanti li l-kontenut ta’ artikli fuq suġġetti inġenerali jkun validu, u li minnu wieħed jista’ jinforma ruħu.

Ir-rispett ukoll huwa importanti immens, ir-rispett lejn is-segwaċi u lejn dawk involuti fl-aħbar li tkun qed twassal.

F’dan ix-xogħol il-views u r-rispons huma kruċjali iżda dan m’għandux jelimina r-rispett lejn id-dinjità tal-individwu. Għaldaqstant huwa importanti li filwaqt li tagħmel xogħlok, trid tirrispetta lin-nies involuti f’dak li tkun qed twassal. L-istint li titfa’ storja interessanti li tkun rajt fuq il-midja soċjali m’għandux iwaqqfek milli tikkunsidra l-konsegwenzi li jistgħu jiffaċċjaw il-persuni.

Hemm tendenza li għax wieħed itella’ post fuq il-profil tiegħu, li jkun għal-lista tal-ħbieb tiegħu biss (u mhux pubbliku) jagħti dritt lilna (kull min hu f’dan ix-xogħol) li naqbdu u naqsmu dak li jkun intqal jew ġie mtella’, fl-opinjoni tiegħi dan mhux ġust. Jekk profil ma jkunx pubbliku, ifisser li l-individwu jrid jaqsam dak li jtella’ ma’ min jagħżel hu u mhux mal-kumplament tal-pajjiż u d-dinja!

Li skoperta.net jagħti vuċi lin-nies biex iwasslu l-messaġġ li jixtiequ fuq kwalunkwe suġġett li jridu, nemmen li wkoll hija xi ħaġa tajba ħafna.

Naturalment fadal ħafna x’naqdfu u fejn nitjiebu.

Xi stejjer tippreferi tikteb l-aktar dwarhom?

Xogħli jirrikjedi li nwassal kull tip ta’ aħbar u stejjer, irrelevanti x’naħseb dwarhom jew naqbilx. Però ovvjament nieħu gost ħafna meta nkun qed inwassal storja li minnha joħroġ messaġġ pożittiv u ta’ ispirazzjoni. Dawk l-istejjer li min ikun qed jaqrahom, se jieħu xi ħaġa minnhom żgur. Kif ukoll dwar suġġetti li ma tantx jiġu diskussi normalment jew li għadhom meqjusa bħala tabù.

Bħala persuna, x’valuri tgħożż l-iżjed?

Ngħożż il-valuri umani kollha però l-aktar ir-rispett. Nemmen li r-rispett għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kull ma tagħmel f’ħajtek.

Liema kienu l-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek?

Mumenti sbieħ u koroh kelli ħafna f’31 sena. Il-mumenti sbieħ għalija huma dawk li taqsamhom ma’ dawk li l-aktar ifissru għalik. Mumenti li jġiegħluk tħossok ħajja, grata u ħerqana għal ġurnata oħra.

Mumenti sbieħ aktar speċifiċi li ngħożż ħafna huma meta qgħadt parrina tal-kuġina tiegħi Janice, li hija wkoll direttriċi ta’ skoperta.net. Meta kuġina oħra tiegħi qaltli li se tagħtini r-rwol ta’ zija għat-tfal tagħha u ovvjament it-twelid tat-tlett itfal tagħha, meta ħabib tal-qalb tiegħi Richard Micallef, kien niżel minn fuq il-palk jgħannaqni wara li hu u ħutu rebħu l-Malta Eurovision Song Contest, meta Richard stess avviċinani biex niktbu l-ewwel kanzunetta flimkien, l-ewwel darba li smajt kanzunetta li ktibt jien tiġi kantanta, l-ewwel darba li kanzunetta li ktibt jien waslet sas-semifinali fil-festival Mużika Mużika, kull darba li ħadt sehem fid-drama, meta f’ħajti daħlu persuni ġenwini, meta ingħatajt l-ewwel opportunitajiet li wassluni sa fejn wasalt illum, u ovvjament meta beda jiffunzjona skoperta.net. Hemm ħafna aktar però dawk ftit minnhom.

Kanzunetta miktuba minn Roberta, waqt is-semifinali ta’ Mużika Mużika

L-agħar mumenti huma dawk il-mumenti ta’ diżappunt u firda. Il-firda, kull tip ta’ firda, hija kiefra ħafna. Il-firda esperjenzajtha f’diversi modi, kemm persuni li għal xi raġuni jew oħra m’għadhomx f’ħajti kif ukoll firda minn ma’ persuni li m’għadhomx magħna f’din id-dinja. Iebsa ħafna, u tgħaddi kemm tgħaddi minnha, qatt ma tkun ippreparata għal ta’ warajha.

Wieħed mill-agħar żminijiet speċifiċi tiegħi però kien madwar 3 snin ilu, meta għamilt xahar u nofs l-ITU u 3 ġimgħat oħra f’sala l-isptar minħabba chest infection. Kien żmien ikrah ħafna, fejn kont viċin ħafna li nitlef ħajti. Minkejja li ħalla ħafna konsegwenzi minn diversi aspetti, li wħud minnhom kelli nadatta ngħix bihom, imma b’xi mod inħoss li ngħatajt ċans ieħor biex ngħix din il-ħajja mżewqa b’kollox.

Wara dak il-perjodu diffiċli li għaddejt minnu, int kont tkellimt pubblikament dwar il-konsegwenza li wasslitek biex taqta’ xagħrek kif ukoll dwar il-fatt li għaddejt minn perjodu ta’ sfidi psikoloġiċi. Għaliex ħassejt li għandek taqsam dak kollu pubblikament u x’differenza għamlitlek lilek personali?

Iva, waħda mill-konsegwenzi ta’ esperjenza verament kerha kienet li kelli naqta’ xagħri qasir ħafna. Bħala waħda li nħobb ix-xagħar twil, u d-dehra hija importanti għalija, kienet diffiċli ħafna ħafna. Ir-raġuni li kelli naqtgħu kienet li peress li kelli xagħri twil ħafna, fix-xahar u nofs li għamilt l-ITU kien tgħaqqad b’mod esaġerat li bilfors kelli naqtgħu qasir ħafna biex insalvah.

Għamilt żmien nilbes parrokka, u ma kontx inkun irrid nidher quddiem in-nies mingħajrha, xi ħaġa li ma kienx jaf kulħadd. Ħafna ma kinux indunaw u għalija kienet diffiċli ħafna biex nitkellem dwarha sakemm darba, bħala sfida miegħi nnifsi, ridt nagħmel dan il-fatt pubbliku bl-għan li nagħmel differenza lil min għaddej minn sitwazzjoni simili u anki b’tama li tgħinni nadatta għaliha aħjar.

Niftakar li qabel tellajt il-post fuq Facebook kont anzjuża ħafna, iżda mbuttajt lili nnifsi u għamiltha. Għenitni tant li wara dakinhar ma bqajtx nilbes il-parrokka għall-fatt li bdejt inkun aktar kunfidenti li n-nies jarawni kif verament jien. Ħassejtni ħafna aħjar meta ma bqajtx nilbisha, mhux għax hija ħaġa ħażina li tilbes parrokka imma l-fatt li neħħejtha, għalija kien ifisser li bdejt naċċetta u nadatta għas-sitwazzjoni li ġejt fiha. Illum grata ħafna li xagħri reġa’ twal u b’saħħtu aktar minn qabel.

Sfidi psikoloġiċi, iva, nemmen li dawn kulħadd jgħaddi minnhom, forsi spiss aktar milli nimmaġinaw, però mbagħad jiġi perjodu aktar iebes fejn is-saħħa mentali tikkrolla. Jista’ jkun li għax ma nkunux ħadna ħsieb lilna nfusna għal żmien twil u jista’ jkun għas-sempliċi raġuni li aħna umani u faċli ħafna nitilfu l-kontroll.

Jien persuna li dejjem żammejt kontroll f’ħajti, u f’dak iż-żmien li tliftu, kienet l-aktar ħaġa li sibtha diffiċli li naċċetta. Wara dik l-esperjenza li għaddejt minnha, bdejt nikkumbatti ma’ ansjetà qawwija. Kien żmien ikrah u iebes ħafna, anki għall-fatt li waqt dan kollu, il-ħajja tkompli bl-isfidi tagħha. Waqt dan kollu trid tiffaċċja firda, nies li jagħżlu li ma jibqgħux f’ħajtek f’dawk il-mumenti li l-aktar ikollok bżonn, trid tiffaċċja nies li minkejja li jkollhom intenzjoni tajba ma jkunux qed jifhmu minn xiex għaddejja u ħafna aktar.

Il-fatt li jien dak iż-żmien kont qed niffaċċja konsegwenzi fiżiċi ġodda, kemm mill-ansjetà kif ukoll mill-esperjenza li kont għaddejt minnha ma għenx. L-aktar għaliex ladarba jkun magħruf li tkun għaddejja minn sfidi psikoloġiċi, ta’ madwarek, inkluż professjonisti sfortunatament, mill-ewwel jassumu u jassoċjaw dak li tkun qed tħoss mal-isfidi psikoloġiċi, speċjalment meta ma tinstabx spjegazzjoni medika ċara għal dak li tkun qed tħoss. Dan mhuwiex ġust u mill-esperjenza personali tiegħi, ma jgħin xejn.

Kien hemm nies, saħansitra professjonisti, li minflok għenuni, tefgħuni aktar lura. F’dan ir-rigward fil-fatt nixtieq nipprova nagħmel xi ħaġa li nkun nista’ ngħin lil ħaddieħor mill-esperjenzi tiegħi. Però, minkejja dan kollu, irnexxieli nerġa’ nieħu l-kontroll ta’ ħajti f’idejja u llum inħossni ħafna aktar b’saħħti.

Ma jfissirx li m’għadx għandi sfidi, imma nħossni b’saħħti biżżejjed biex niffaċjahom. Wara kollox, min m’għandux sfidi?!

Nemmen li ħadd m’għandu għalfejn jiddejjaq jitkellem dwar mumenti bħal dawn, hu min hu.

X’jagħmlek persuna daqshekk grata u pożittiva?

Il-gratitudni hija parti mill-pożittività. Jekk tkun grata għal dak kollu li għandek f’ħajtek u dak li jirnexxilek tikseb, allura tkun pożittiva.

Ovvjament mhux dejjem jirnexxili nkun pożittiva, għaliex jien umana u jkolli l-mumenti tiegħi fejn ma nkunx pożittiva iżda dejjem nipprova nagħmel l-almu tiegħi biex nagħraf is-sabiħ tal-ħajja, anki mill-iċken affarijiet.

Inħossni grata immens għal ħafna raġunijiet. Grata li minkejja kull triq imdallma, il-ħajja ma bidlitlix il-personalità tiegħi b’mod negattiv, inbdilt sa ċertu punt bħal pereżempju nħossni aktar b’saħħti, iżda xorta waħda għadni nemmen fl-imħabba, empatija, ġustizzja, tjubija u s-sabiħ kollu tal-ħajja. Ma ħallejtx id-diżappunti jħarxuni.

Grata għall-opportunitajiet kollha li ngħatajt f’ħajti u għal dak kollu li għandi f’ħajti, għal dawk il-persuni ġenwini kollha li għandi f’ħajti, speċjalment għall-imħabba u r-rispett li nirċievi mingħand dawk l-aktar qrib tiegħi.

Minbarra dan kollu li semmejt, u l-fatt li rnexxieli nwettaq il-proġett ta’ skoperta, m’għandix kliem biżżejjed biex nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-persuna li daħlet f’ħajti fi żmien sensittiv ħafna u għenitni, u tgħini ħafna kuljum. F’ħajti ltqajt u naf ħafna nies, iżda ħadd qatt ma tani u għamel differenza f’ħajti bħal Patrick. Pjuttost ħafna mid-drabi dejjem spiċċajt tajt ħafna u wisq aktar milli qatt irċevejt f’ħajti. Li tagħti huwa sabiħ, u nħobb ħafna nagħti, mhux affarijiet materjali biss għax dawk jistgħu ma jfissru xejn mingħajr azzjonijiet, iżda meta ssib min b’mod ġenwin jagħtik ħafna aktar milli qatt tista’ tagħti int hija xi ħaġa sabiħa immens.

Intervista li Roberta għamlet lil Patrick f’Novembru tal-2020

Patrick Tanti, minbarra li huwa persuna interessanti immens u b’talent mill-aqwa għax huwa wkoll attur, huwa l-persuna li mhux biss jgħini ħafna f’xogħli, u b’ċertezza ngħid li kieku ma kienx hu, ma kienx jirnexxili nasal s’hawn, skoperta.net ma kienx jasal s’hawn, iżda jagħmel differenza kbira wkoll fil-ħajja personali tiegħi.

Ħafna drabi, ix-xogħol ta’ skoperta.net jiġi assoċjat miegħi l-aktar peress li jien l-aktar li nidher u anke għaliex jien nagħmel il-biċċa l-kbira tax-xogħol però ftit nies jafu li wara ħafna mix-xogħol ta’ skoperta.net ikun hemm Patrick, b’mod dirett jew indirett.

Huma vera rari persuni li mhux biss ġenwinament juru interess fil-ħolm tiegħek u jgħinuk twettaqhom bl-aħjar mod iżda jdawlulek ħajtek u jgħinuk tkun persuna aħjar, kemm fix-xogħol kif ukoll minn aspett personali. Patrick huwa wieħed minn dawk il-persuni rari, ovvjament inħossni fortunata ħafna li skoprejtu! U li għandi lilu f’ħajti.

Jien nemmen ħafna li l-persuni li jkunu l-aktar qrib tiegħek għandhom ikunu dawk li b’xi mod tagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ xulxin u tagħmlu lil xulxin persuni aħjar.

Nixtieq li kull persuna fid-dinja jkollha persuna, irrelevanti hux mara jew raġel, li tagħmel differenza f’ħajjitha daqs id-differenza li għamel u jagħmel f’ħajti Patrick.

Minbarra l-ġenituri tiegħi li dejjem kienu pilastri f’ħajti, għalija Patrick huwa pilastru ieħor.

Nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja minn qalbi lill-ġenituri tiegħi u lil Patrick ta’ dak kollu li għamlu u jagħmlu miegħi, kif ukoll persuni oħrajn qrib tiegħi li huma importanti ħafna f’ħajti wkoll.

Grata ħafna wkoll lejn dawk kollha li naħdem magħhom, lejn in-negozji li jagħżlu li jemmnu f’skoperta.net u jikkollaboraw magħna u fl-aħħar u mhux l-inqas lejn is-segwaċi kollha ta’ skoperta.net, li dejjem qed jiżdiedu!

Kif nista’ ma nkunx grata għal dan kollu?!

X’inhu l-akbar sodisfazzjon s’sissa f’ħajtek?

F’dawn l-aħħar sena u 4 xhur, l-akbar sodisfazzjon tiegħi ġie minn skoperta.net. Li minkejja li hija xi ħaġa kbira ħafna, u sibt u għadni nsib ħafna telgħat, irnexxieli nwettaq il-ħolma tiegħi. Sodisfazzjon kbir meta tara l-proġett li ħlomt bih, sar realtà u qiegħed dejjem jikber. Ir-rispons kontinwu tan-nies huwa inkredibbli, dak sodisfazzjon kbir.

Minn aspett aktar personali, kif għidt diġà, huwa sodisfazzjon kbir li minkejja kull diżappunt li kelli f’ħajti, għadni nemmen fit-tjubija tal-umanità, m’għandix mibgħeda lejn ħadd u dak kollu li nagħmel dejjem nipprova nagħmlu b’mod ġust, anki jekk ħafna drabi mmur minn taħt jien. Dak huwa sodisfazzjon.

Għaliex temmen daqshekk fl-imħabba?

Jien dejjem ngħid li l-imħabba hija n-nifs tal-ħajja. Nemmen fl-imħabba għax għextha u għadni ngħixha. Nista’ ngħid li esperjenzajt u għext kull tip ta’ mħabba. Nemmen li bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba, għaliex hija kollox. Li tħobb u tkun maħbub hija l-isbaħ ħaġa li tista’ tesperjenza fil-ħajja, u l-aktar importanti għaliex biha jirnexxilek tkampa u tikkumbatti ma’ kollox; mard, diżappunti, traġedji. Jekk ma jkunx hemm l-imħabba f’ħajtek, ma ssibx is-saħħa biex tkompli. Kien hemm diversi mumenti f’ħajti fejn komplejt niġġieled u nikkumbatti proprju għal dawk li nħobb u jħobbuni, nazzarda ngħid li forsi dik hija r-raġuni li llum għadni hawn, inwettaq il-ħolm. Irrid ngħid ukoll li llum sirt niġġieled mal-isfidi tal-ħajja għalija nnifsi wkoll. L-imħabba lejna nfusna hija importanti ħafna wkoll, kważi aktar minn kollox. Nammetti li mhux dejjem nipprattikaha sew!

Iva nemmen ħafna fl-imħabba għax ħabbejt, u għadni u nibqa’ nħobb. Nemmen fl-imħabba għax għext u għadni ngħix dik l-imħabba unika li taqtagħlek nifsek u li ma tista’ tiddeskriviha bl-ebda kelma. Dik l-imħabba li jiġri x’jiġri u jgħaddi kemm jgħaddi żmien, ma tmut qatt. Ma nistax ma nemminx daqshekk fl-imħabba.

Meta kont ħafna iżgħar, bħal ħafna, kont nemmen li l-imħabba tweġġa’, però kont żbaljata bil-kbir. L-imħabba tirrikjedi sagrifiċċji ħafna drabi iva, imma ma tweġġa’ qatt. Mhux l-imħabba, jew għax tħobb, tweġġa’, imma l-isfidi u l-intoppi tal-ħajja, u l-azzjonijiet tal-bniedem li jweġġgħu. L-imħabba tfejjaq u tagħti l-ħajja.

Għandek persuni li tammira u għaliex?

Nammira lil dawk il-persuni kollha li jagħżlu li jaqsmu dak li kapaċi joffru ma’ ħaddieħor u jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Nammira lil dawk li jxerrdu l-imħabba b’kull mod possibbli. Nammira lil dawk li jibqgħu sodi fit-twemmin tagħhom u lil dawk li ma jibżgħux isemmgħu leħinhom u li jibqgħu jiġġieldu għal dak li hu sew u ġust anke jekk id-dinja kollha tkun kontrihom. Kif ukoll lil dawk li jagħmlu ħilithom biex itejbu l-ħajja ta’ ħaddieħor b’kull mod possibbli.

Hemm aspirazzjonijiiet/proġetti ġodda għal Skoperta?

Proġetti f’moħħi għandi għax jien dejjem noħlom! Ma tantx nixtieq niżvela dwarhom imma qabel inkun ċerta li jistgħu jsiru.

L-għan ewlieni però huwa li skoperta.net ikompli jikber, u jsir parti mir-rutina u l-għażla ta’ sors ta’ ħafna aktar nies biex jaġġornaw ruħhom, għall-għarfien, biex isemmgħu leħinhom u anke iservi bħala pjattaforma biex jaqsmu dak li għandhom x’joffru, kif ukoll li b’xi mod jagħmel differenza pożittiva wkoll fil-ħajja ta’ ħafna nies.

Minbarra hekk, l-għan personali tiegħi hu li skoperta.net mhux biss jikber imma jibqa’ għaddej għal ħafna u ħafna snin, anki warajja.

Għandek ħolm ieħor li tixtieq twettaq?

Kif għidt, jien dejjem noħlom. Ħafna mill-ħolm huma relatati ma’ skoperta.net għaliex dawk personali tfajthom ftit fil-ġenb għalissa peress li qed nagħti l-enerġija tiegħi u niffoka fuq skoperta.

Fost il-ħolm personali tiegħi, nixtieq nippubblika ktieb, nixtieq li nkompli nevolvi fil-qasam tal-mużika bħala awtriċi, nixtieq li nkompli nevolvi fil-ġurnaliżmu investigattiv u nixtieq ukoll li xi darba jkolli d-dar tiegħi. Però kif għidt, il-prijorità ewlenija tiegħi bħalissa hija skoperta.

Nixtieq ħafna wkoll li xi darba xogħli jwassalni f’pożizzjoni aħjar fejn inkun nista’ ngħin lil ħafna nies f’dak kollu li jkollhom bżonn. Naħseb li din hija l-akbar ħolma li għandi. Kienet minn dejjem, u issa li qiegħda f’pożizzjoni fejn nista’ nilħaq aktar nies, nixtieq li b’xi mod ngħaqqadhom flimkien. Kif għadni ma nafx!

Fuq nota totalment differenti, nixtieq nirringrazzja lilek Lynn, mhux biss tal-kontribuzzjoni siewja tiegħek fuq skoperta.net imma wkoll ta’ din l-intervista. Nista’ ngħid li qatt ma tkellimt b’mod daqshekk miftuħ fuq il-ħajja personali tiegħi fil-pubbliku. Għalkemm forsi mhux dejjem nagħti l-impressjoni, jien persuna riservata ħafna. Intervista li ħadt gost ħafna nagħmel. Grazzi mill-qalb!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks