“Għidilna fejn ħbejt l-affarijiet, Trevor,” kienu komplew jinsistu l-pulizija hekk kif kont qiegħed f’dik il-kmajra fejn kienu interrogaw lili, lil ħija u sħabi kollha.
“X’affarijiet huma? Jiena lanqas biss m’għandi idea fuq dak li qegħdin tkellmuni fuqu!” kont stagħġibt b’leħen mitbuq.
“U ejja Trevor. Wara li ħriġtu u wassluk id-dar, erġajt ħriġt bil-mazza u ġakketta safra. Mort għandu, ħabbattlu l-bieb u bdejt tagħtih id-daqqiet bl-addoċċ sa’ xħin rajtu stendut mal-art f’għadira demm!” kien poġġieli l-kliem il-pulizija.
“Għandkom żball! Għandkom żball!” kont smajt leħni stess għadu jidwi f’widnejja u issa donnu kien għadu jdur f’dawk il-kurituri, madwar il-ħabs imdaqqas fejn kont qattajt żmieni, nistenna u nitherra waħdi.
Imbagħad, donnu ħassejt ġismi jinħasad kollu f’salt wieħed.
Issa suppost kont ser nitlaq.
Imma fil-verità kont qed nibża’.
Mhux għax kont drajt hawn ġew. Xejn minn dan. Kif tista’ tidra hawn ġew? Kif tista’ tidra tgħix mingħajr il-libertà mċaħħad mid-dinjità unika tiegħek li tagħmlek individwu?
Imma kont qed nibża’ minn dak li kont ser insib quddiemi.
Ħajti.
X’sens kien fadlilha issa?
Forsi kieku tawni ċans nagħżel jekk ridtx nibqa’ hawn ġew jew noħroġx lura hemm barra kont nagħżel dik l-ewwel waħda.
Li nkompli nitherra f’kamarti. F’dik iċ-ċella minuskola fejn kont tant drajt il-ħajja.
Iżda dawwart ħarsti ‘l quddiem, għafast idejja ponnijiet u bil-basket żgħir li kelli mdendel ma’ kusi, għamilt pass ieħor lejn il-bieb, ninduna li l-ħarsa tal-gwardjan biswiti, kienet qiegħda fuqi.
Blajt ir-rieq li kien tela’ fi griżmejja u b’kuraġġ ta’ sur għamilt pass ieħor.
Kont qed nara l-bieb minfejn kienu joħorġu barra.
Minjaf kemm kont ilni noħlom din il-ġurnata!
U ejja Trevor, ftit kuraġġ oħra u tasal hemm barra!
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Avukata u Awtriċi