Ġurnalist Amerikan li kien jaħdem fl-Ukrajna inqatel b’tiri fil-belt ta’ Irpin, barra Kyiv.
Brent Renaud, ta’ 50 sena, kien ġurnalist u produttur tal-films li fis-snin li għaddew kien jaħdem man-New York Times.
Il-pulizja ta’ Kyiv qalet li Renaud kien fil-mira ta’ suldati Russi. Żewġ ġurnalisti oħra ġew midruba u ttieħdu l-isptar
Din hija l-ewwel mewt ta’ ġurnalist barrani li kien qed jirrapporta dwar il-gwerra fl-Ukrajna.
Wieħed mill-ġurnalisti midruba, li kien ukoll ma’ Brent Renaud, qal li kienu se jiffilmjaw refuġjati jitilqu, u kienu f’karozza meta bdew jisparaw fuqhom.
Ritratti li qed jiċċirkolaw onlajn juru press ID ta’ Renaud tan-New York Times. Madankollu, fi stqarrija, il-gazzetta esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-aħbar tal-mewt tal-ġurnalisti iżda qalet li hu ma kienx qed jaħdem għalihom fl-Ukrajna.
Skont in-New York Times, l-aħħar li ħadem għall-gazzetta Renaud kien fl-2015 u l-press ID li kien liebes fl-Ukrajna kienet inħarġet snin ilu.
