Kull gwerra tħalli effetti diżastrużi, primarjament fit-telfiet tal-ħajja ta’ diversi persuni. Effett ieħor tal-gwerra huwa wkoll fuq l-ekonomija kemm dak tal-pajjiżi li direttament huma affettwati mill-gwerra u anke ta’ pajjiżi li indirettement ukoll jiġu affettwati.

Il-gwerra fl-Ukrajna ġiet fiż-żmien fejn pajjiżi diġà bdew jesperjenzaw inflazzjoni għolja ikkawżata mill-effett tal-Covid. Fl-Ewropa, l-inflazzjoni s-sena l-oħra kienet kwazi 3%, rata li ilha ma tiġi reġistrata għal aktar minn għaxar snin. Bl-effett tal-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni mistennija tiżdied ħafna iktar. Ir-raġuni primarjament hija minħabba l-importanza tar-Russja fl-ekonomija globali kif ukoll tal-Ukrajna.

Biss biss, mill-aspett ta‘ enerġija, kwazi 40% mill-elettriku fl-Ewropa huwa ġenerat mill-fossil fuels u l-ikbar sors ta‘ gass u żejt ġej mir-Russja. Iċ-ċaqliq fil-kwantità tirrifletti fil-prezzijiet taż-żejt, tant hu hekk li l-prezz taż-żejt beda jeskala b’rata allarmanti. Dan iċ-ċaqliq jiġi rifless ukoll fil-prezzijiet tad-dawl li jħalli impatt qawwi fuq l-enterpriżi kif ukoll familji, partikolari dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Sfortunatement l-Ewropa għadha ma ddiversifikatx biżżejjed is-settur tal-energija u b‘hekk id-dipendenza fuq ir Russja għadha wisq gholja.

L-effett fuq l-ekonomija mistenni jinħass ukoll fuq l-ikel. L-Ukrajna tipproduċi l-akbar volum ta’ sunflower oil u r-Russja t-tieni l-akbar produzzjoni. Bejniethom it-tnejn jipproduċu madwar 60% mill-ammont globali. Dawn iż-żewġ pajjiżi jesportaw ukoll kwazi 30% mill-qamħ globali. Hekk kif il-produzzjoni tieqaf minħabba il-gwerra, il-prezzijiet ta’ dawn il prodotti kif ukoll prodotti li jiddependu fuqhom, bħal ħalib u għaġin, mistennija jiżdiedu sostanzjalment ukoll.

L-effett tal-inflazzjoni, u b’hekk l-għoli tal-ħajja, tirriżulta wkoll fit-tnaqqis ta’ konsum u ta’ investiment: żewġ pilastri tal-ekonomija. Hekk kif il-konsum u l-investiment jonqos minħabba ż-żieda fil-prezzijiet kif ukoll minħabba l-inċertezza globali, l-ekonomija tibda tistagħġna u minflokk tikber tibda tiċkien. Dan jispiċċa jirrifletti fi problemi għall-impjiegi kif ukoll id-dħul għall-ekonomiji.

Għalhekk l-effett ta’ din il gwerra mistenni jkun dirett u indirett kif ukoll effetti ta’dak li huwa immedjat u dak li glad irid jinħass għat-tul ta’ żmien. It-tama hi li s-soluzzjonijiet ma jdumux ma jinstabu u li l-għajnuna tingħata diretta u kif meħtieġa, partikolarment għal min ikun l-aktar affettwat.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks