F’post li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, il-kantant Richard Micallef irreaġixxa għall-aħħar żviluppi dwar ir-rappreżentazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest.
“Il-kanzunetta li rebħet kemm it-televoting kif ukoll il-ġurija, inbidlet. Dan x’jgħid dwar is-sistema fis-seħħ li tagħżel il-kanzunetta rebbieħa?”
Richard Micallef
Huwa qal li dan jista’ jiġi interpretat li l-kanzunetta ma kinitx tajba biżżejjed biex tirbaħ, jew inkella li l-attenzjoni kienet fuq il-kantant u mhux il-kanzunetta. Żied jgħid li kemm waħda kif ukoll l-oħra mhix ġusta fuq il-finalisti l-oħra u lanqas fuq it-telespettaturi. Richard qal li f’dan il-punt, il-MESC kważi sar għalxejn.
“Kif il-MESC huwa daqshekk ċentralizzat bid-deċiżjonijiet tiegħu meta suppost ikun deċentralizzat?
Richard Micallef
Richard qal li l-kanzunetta għandha tintgħażel mill-maġġoranza tal-pubbliku Malti u mhux minn numru żgħir ta’ nies li jaħsbu li jafu x’inhu l-aħjar għall-bqija.
Qal ukoll li fl-opinjoni tiegħu, min ikun inkarigat fit-tmexxija tal-MESC m’għandux jagħżel panel ta’ ġurija li jaħdmu għalih u ma jagħmilx sistema ta’ votazzjoni għall-pubbliku li hija korrottibbli iżda minflok jagħmel sistema trasparenti u jħalli d-deċiżjoni f’idejn il-pubbliku Malti.
Richard qal ukoll li biex wieħed jgħolli l-persentaġġ tal-votanti, is-sistema tal-votazzjoni għandha ssir b’xejn, forsi toffri wkoll il-possibilità li kull min jivvota jirbaħ xi rigal. Qal li fl-opinjoni tinħtieġ inizjattiva finanzjarja biex wieħed jgħolli l-persentaġġ tal-votanti.
Fuq kollox qal li wieħed għandu jagħti fiduċja lit-telespettaturi u l-artisti li qed jieħdu sehem fil-MESC biex jiġi ddeterminat ir-riżultat bl-aktar mod ġust possibbli, għax hekk għandu jkun.
Fl-aħħar nett, Richard għamilha ċara li fl-opinjoni tiegħu, Emma hija artista brillanti u kompluta, tant li ddeskriviha bħala stilla. Madankollu żied jgħid li dik mhijiex il-kwistjoni li qed titqajjem.
“Il-kwistjoni hija jekk kinitx qed tikkompeti b’kanzunetta b’saħħitha biżżejjed biex tirbaħ, u jekk it-tweġiba hija iva, (li hekk fil-fatt kien skont ir-riżultat) allura għandha tinżamm il-kanzunetta rebbieħa li ntgħażlet unanimament mill-MESC.”
Richard Micallef
