Select Page

Min jgħix sa 100 u fuqhom u min imut ikun għadu lanqas twieled! Tisma’ min jgħidlek investi u aħseb għal quddiem, ħalli meta tikber ikollok rasek mistrieħa! Imbagħad f’daqqa waħda tiġi pandemija u jieqaf kollox, u wieħed jibda jistaqsi bejnu u bejn ruħu: Allura mhux aħjar ngħix ġurnata b’ġurnata u ma naħseb xejn għall-futur, wara kollox il-futur għadu ħadd ma rah!

Issa biex taxxaq faqqgħet din il-gwerra fl-Ukrajna wkoll flimkien mal-pandemija. Ħafna inċertezzi, biża’, nuqqas ta’ stabbiltà u motivazzjoni huma fost l-aktar emozzjonijiet li qed jinħassu u diskussi bħalissa. Personalment, qed nipprova ma ninqabadx minn din ix-xibka ta’ paniku żejjed, għax fl-aħħar mill-aħħar kollu jkun għalxejn.

Jien ftit li xejn nista’ nagħmel minn hawn Malta u żgur ma nistax inwaqqaf il-gwerra fl-Ukrajna! Iddeċidejt li minflok ma nħalli l-paniku u l-biża’ tirbaħni, nagħmel il-parti tiegħi żgħira kemm hi żgħira. Qed nipprattika ħafna iżjed is-sengħa tal-gratitudni, nitlob iżjed u nżomm il-paċi fija nnifsi u ma’ dawk kollha ta’ madwari.

Din il-paċi li tistedinni nara s-sbuħija tal-ħajja. Sbuħija li teżisti anke fl-eqqel tal-eħrex tbatija u kruha. Biżżejjed jekk inħares lejn din il-gwerra fl-Ukrajna nara li qed isir ħafna ġid minn tant nies madwar id-dinja li qed joffru l-għajnuna tagħhom b’diversi modi.

Għalhekk jien nara li l-ħajja hi sengħa sabiħa li nitgħallem ngħixha bil-mod il-mod matul iż-żmien. L-esperjenzi li ngħaddi minnhom matul ħajti juruni li s-sabiħ u l-ikrah fil-ħajja mhuma qatt maqtugħa minn xulxin imma huma katina mwaħħlin ma’ xulxin.

M’għandix tweġiba għaliex fil-ħajja l-ikrah u l-ħażen jidhru aktar b’ saħħithom fid-dinja, iżda ħaġa naf għax jien nesperjenzaha u s’issa nista’ ngħid li kuljum jirnexxieli nsib xi ħaġa tajba. Diffiċli kemm tkun diffiċli, qatt ma nista’ naqta’ qalbi mit-tajjeb u s-sabiħ għax dejjem hemm ikun. Hija jien li jkolli għajnejja u qalbi magħluqin u ma narax dan il-ġmiel!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks