Il-President Amerikan Joe Biden sejjaħ lill-President Russu Vladimir Putin bħala kriminal tal-gwerra.
Din hija l-ewwel darba li Biden uża lingwaġġ bħal dan biex jikkundanna lill-President Putin. Aktar tard, il-White House qalet li Biden kien qed jitkellem minn qalbu wara l-attakki barbari li qed iseħħu fl-Ukrajna.
B’reazzjoni għal dan, il-kelliem tal-Kremlin Dmitry Peskov qal li r-rimarka li għamel Biden fuq Putin hija assolutament inaċċettabbli u inskużabbli.
Peskov qal li Biden m’għandux id-dritt li jagħmel tali dikjarazzjonijiet ibbażati fuq azzjonijiet militari tal-Istati Uniti fil-passat.
Żied jgħid li aktar u aktar m’għandux dritt bħala kap ta’ stat li bbumbardja lin-nies madwar id-dinja kollha għal ħafna snin u li tefa’ bomba atomika fuq pajjiż li kien diġà tilef il-battalja.
