Il-Ministru tal-Kultura tal-Ukrajna ħabbar li l-Italja offriet li tgħin lill-Ukrajna tibni mill-ġdid it-teatru li ġie bbumbardjat f’Mariupol.

Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Ministru tal-Kultura Taljan Dario Franceschini permezz ta’ post fuq Twitter fejn qal li l-Kunsill tal-Ministri Taljan approva proposta biex l-Italja tipprovdi r-riżorsi lill-Ukrajna biex it-teatru jerġa’ jinbena mill-ġdid.

Mijiet ta’ Ukreni, fosthom ħafna tfal, kienu qed jistkennu ġewwa t-teatru meta dan ġie bbumbardjat nhar l-Erbgħa li għadda.

Il-Ministru tal-Kultura tal-Ukrajna qal li l-Ministru Franceschini assigura li l-Italja għandha solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna. Żied jgħid ukoll li t-teatru se jerġa’ jinbena mill-ġdid immedjatament wara li l-Ukrajna tirbaħ il-gwerra kontra r-Russja.

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy rringrazzja lil Franceschini fuq Twitter, u qal li l-Italja tat eżempju tajjeb li oħrajn għandhom isegwu.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks