Select Page

Id-diżabilità hija iktar komuni milli naħsbu. Meta bniedem ikollu diżabilità jfisser li għandu indeboliment tal-ġisem jew tal moħħ. Bħala riżultat ta’ dan, il-bniedem jiltaqa’ ma’ xi diffikultajiet f’ċerti aspetti ta’ ħajtu. Hemm tlett tipi differenti ta’ diżabilità fosthom diżabiltà fiżika, diżabiltà tat-tagħlim u diżabilità intellettwali.

Id-diżabilità fiżika, hija l-iktar waħda magħrufa għax din hija l-iktar waħda li tidher. Dan huwa meta l-bniedem għandu kundizzjoni fiżika li taffettwa l-mobilità, il-kapaċità fiżika u l-istamina.

Id-diżabilità tat-tagħlim huwa meta l-bniedem ikollu kundizzjoni newroloġika fejn ikollu nuqqas ta’ ftehim f’ħiliet akkademiċi. Dan jispikka fl-użu tal-lingwa u l-kitba.

Id-diżabilità intellettwali hija magħrufa bħala disturb fl-iżvilupp mentali tal-bniedem. Dan huwa n-nuqqas ta’ abilità li jkollu xi ħadd biex jitgħallem informazzjoni ġdida u kumplessa. Dan jaffettwa l-indipendenza tal-persuna għax għandu nuqqas ta’ tagħlim li jirrelata ma’ kif jiffunzjonaw soċjalment. Eżempju ta’ dan huwa l-awtiżmu. F’dan l-artiklu se niffukaw dwar dan it-tip ta’ diżabilità.

Gideb dwar is-sesswalità u d-diżabilità:

Ħafna nies jemmnu li n-nies b’diżabilità qishom tfal żgħar, li m’għandhomx l-istess bżonnijiet sesswali daqs nies abbli. Dan jissejjaħ infantilizzazzjoni u huwa meta nies b’diżabilità jitqiesu bħala tfal żgħar li m’għandhomx ħsibijiet u bżonnijiet sesswali. Dan xorta waħda huwa tabù sal-lum il-ġurnata.

Gidba oħra hija li n-nies b’diżabilità mhumiex attraenti. Din hija idea żbaljata, kulħadd huwa attraenti bil-modi individwali tiegħu. B’hekk kulħadd jattira lil xi ħadd.

Mhuwiex dejjem faċli li bħala ġenitur titkellem dwar is-sesswalità ma wliedek – teħel fuq x’se tgħid, u kif se tgħidu , u kif se jeħodha t-tifel jew it-tifla. Imma fl-istess ħin taf kemm huwa importanti li titkellem dwar is-sesswalità. Fil-punti li gejjin se nagħtik 10 pariri dwar kif inti tista’ titkellem dwar is-sess ma’ uliedek li għandhom diżabilità intellettwali

  • Uliedek għandhom ħsibijiet sesswali – huwa id-dmir tiegħek li tfehemhom dwar is-sess.
  • Wieġeb il-mistoqsijiet li għandhom – jekk ma tweġibhomx inti – probabbli se jfittxu risposti onlajn.
  • Hemm diversi riżorsi li jistgħu jgħinuk tfiehem is-sess lil uliedek, fosthom il-kotba. Fost il-kotba li jistgħu jgħinuk huma:

Sex, Puberty, and All That Stuff ta’ Bailey, J. and J. McCafferty.: A Guide to Growing Up.

What’s the Big Secret? Talking About Sex with Girls and Boys ta’ Brown, L.K. and M. Brown.

Asking About Sex and Growing Up: A Question-and-Answer Book for Kids ta’ Cole, J.

  • M’hemmx raġuni għalfejn għandek tistħi titkellem ma’ uliedek dwar is-sess. L-importanti huwa li titkellem b’mod li tħossok komdu bih u li ma ddurx mal-lewża. Ma jfissirx li għax uliedek għandhom diżabilità, m’għandekx titkellem magħhom dwar is-sess jew li hemm x’taħbi dwar dan is-suġġett. Huwa essenzjali li titkellem magħhom daqs li kieku huma abbli.
  • Importanti li tfehemhom dwar it-tipi differenti ta’ sess bħal sess ta’ bejn koppji mhux eterosesswali biss. B’hekk inti qiegħed turi lil uliedek li taċċetta liema sesswalità għandhom.
  • Spjegalhom dwar il-partijiet differenti tal-ġisem li għandhom in-nisa u l-irġiel.
  • Spjegalhom dwar il-masturbazzjoni u li huwa importanti li jekk isseħħ tkun xi ħaġa privata.
  • Tajjeb li tagħti spjegazzjoni wkoll ta’ x’inhu orgażmu. Dan huwa meta l-bniedem jkun eċitat b’mod sesswali (stimulates contractions) u dan jonvoli kontrazzjonijiet fil-ġenitali tagħhom waqt l-interkors.
  • Kellimhom dwar x’inhu kontraċezzjoni, kif għandu jintuża u għaliex huwa importanti.
  • Ibqa’ kalm. Dan l-artiklu ġie miktub sabiex inti ma tħossokx waħdek meta tiddiskuti s-sess ma’ uliedek. Jekk tirrikjedi iktar informazzjoni jew għajnuna tibżax titkellem ma’ xi ħadd professjonali.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks