Select Page

Il-kolazzjon huwa l-aktar ikla importanti tal-ġurnata!
Huwa mod kif tgħid l-għodwa t-tajba lil ġismek, u tiżgura li tkun mitmugħ tajjeb biex tiffaċċja l-ġurnata tiegħek.

Kolazzjon ifisser ikel differenti għal kull pajjiż. F’dan l-artiklu se nħarsu lejn xi ikel tal-kolazzjon li jittiekel madwar id-dinja.

Aħna l-Maltin nibdew il-ġurnata b’modi differenti, skont l-istil ta’ ħajja tagħna. Kemm jekk tkun skutella ta’ ħafur jew ċereali għal xi wħud, xi biċċa ħobż mixwija jew kolazzjon ta’ ikel moqli għal oħrajn.

Madankollu, darba kultant, min jista’ jirreżisti li jibda l-ġurnata tiegħu b’żewġ pastizzi sħan ma’ tazza te tajba?!

Allura x’jieħdu għall-kolazzjon nies minn xi pajjiżi oħra?

Fl-Isvizzera, matul il-ġimgħa, ta’ spiss jieħdu kolazzjon ta’ malajr bħall-birchermüesli tradizzjonali, li hu taħlita ta’ ħafur stil granola ma’ frott u ġewż u jogurt.
Iżda fi tmiem il-ġimgħa, ħafna jagħmlu brunch kbir. Flimkien ma’ roesti (pancakes tal-patata), ġobon u qatgħat ta’ laħam kiesaħ, l-ikel ewlieni fuq il-mejda huwa zopf. Dan hu ħobż magħmul mill-bajd u immaljat. Jisserva bl-għasel, il-butir u l-ġamm.

Il-kolazzjon Ġappuniż huma prinċipalment platti żgħar ta’ ikel differenti, bħal salamun jew kavalli, soppa miso, u ross. Ikun hemm ukoll tamagoyaki, li hi froġa irrumblata kemmxejn ħelwa magħmula minn saffi irqaq ta’ bajd f’forma ta’ rettangolu.

Fl-Iżlanda jibdew il-ġurnata bil-lysi: żejt tal-fwied tal-merluzz, li hu sors abbundanti ta’ aċidi grassi omega-3.

Jew għal togħma aktar appetituża, xi skutella ta’ hafragrautur, li hu ħafur oħxon. Imżejna bil-ġewż, żbib u zokkor, u skyr, li hu ġobon frisk magħmul mill-jogurt.

Fis-Singapor id-diversi montijiet tal-ikel għall-apert huma dejjem miftuħa, u xi skutella ta’ taljarini bill-curry hija popolari ħafna għall-kolazzjon.


Għall-kolazzjon tradizzjonali ta’ stil tal-monti, il-kaya toast huwa popolari ferm, u kull bejjiegħ jagħmlu b’mod differenti.

Fil-Marokk, flimkien mat-te bin-nagħniegħ, il-ħobż tas-smid huwa pedamenti fuq il-mejda tal-kolazzjon Marokkina. Baghrir huma ħobż tondi irqaq, magħmul bil-ħmira b’ħafna toqob ċkejkna li jagħtuhom l-isem ta ‘”pancakes ta’ elf toqba”. Huma servuti bil-butir u l-għasel.

Fl-Awstralja, jiffukaw fuq prodotti friski u kombinazzjonijiet nutrittivi. Kolazzjon Awstraljan jista’ jvarja minn toast klassiku tal-avokado fuq ħobż biż-żerriegħa għal skutella farro miksija b’bajda poached u ħaxix. Jew xi pudina tar-ross bil-jogurt, żrieragħ u berries.

Il-kolazzjon jissejjaħ Facturas fl-Arġentina.
Xi wħud mill-ikel l-aktar popolari jinkludu medialunes, li hi għaġina brioche f’forma ta’ croissant; bombas u bolas de fraille, jew doughnuts moqlija. U churros, li ħafna drabi huma mgħaddsa fiċ-ċikkulata. Spiss ikunu mimlija wkoll bil-custard tal-vanilla.

Fil-Ġermanja mhuwiex sorprendenti li z-zalzett u laħmijiet oħra jieħdu rwol ewlieni fil-frühstück, il-kolazzjon tradizzjonali Ġermaniż.


Dan ikun f’forma ta’ buffet mimli b’varjetà ta’ zalzett, qatgħat ta’ laħam kiesaħ, ġobon, ħobż u pretzels. Kif ukoll frott frisk, bajd mgħolli u ġamm magħmul fid-djar.

Ngħaddu issa għall-Brażil. Il-Pao de queijo, ir-rombli tal-ġobon moħmi fil-forn huma parti mil-kultura Brażiljana, jistgħu jittieklu wkoll għall-kolazzjon.


Varjazzjoni oħra hija l-bolo de fuba, li huwa kejk tal-istil tal-qamħirrun, li jagħmluh kremuż billi jżidulu ġobon Parmesan maħkuk u coconut imqatta’.

Lablabi, soppa taċ-ċiċri bil-ħwawar li hija wkoll ikel għall-kolazzjon fit-Tuneżija. Iċ-ċiċri u l-pejst tal-harissa jinstabu f’kull riċetta tal-lablabi. Din is-soppa kultant jagħmluha ixxebba aktar b’biċċiet tal-qoxra tal-ħobz u jogurt. Ħafna drabi tkun akkumpanjata b’bajda poached u żebbuġ fil-wiċċ.

Ma ninsewx ukoll il-Full English Breakfast, ismu miegħu. Li kif ħafna jafu, jikkonsisti f’bajd moqli, zalzett, bejken, faqqiegħ u fażola taz-zalza. Uħud iżidu xi ingredjenti oħrajn ukoll!

Fil-Bulgarija, Popara ssegwi t-tradizzjoni twila li tuża l-ħobż li jifdal bħala l-ikla tal-għada. Dan il-kolazzjon sħun huwa favorit ta’ ħafna Bulgari – huwa ikla bejn poriġ u pudina tal-ħobż. Ħalib sħun jew tè jitferra’ fuq skutella ta’ ħobż imqatta, ġobon sirene Bulgaru mfarrak, butir u zokkor, u jitħalla jixxarrab sakemm ikun artab biex jittiekel bl-imgħarfa.

Kahvalti, il-kolazzjon tradizzjonali Tork, hija affari lussuża li fiha xi ħaġa għal kulħadd.


Ħobż Tork bħal simit, li hi ħobża biż-żerriegħa ċirkolari, jew pide, li hu ħobż ċatt, jakkumpanja skutelli tal-feta jew ġobon ieħor frisk u mielaħ, żebbuġ, halvah, u għasel u priservi. Il-bajd spiss jissajjar bi flieli ta’ sucuk moqlija. Sucuk hu zalzett taċ-ċanga mnixxef u mħawwar bit-tewm, bżar aħmar, kemmun u sumac.

Il-gżira żgħira ta’ Guam fl-Oċean Paċifiku hija stilla ta’ kultura kulinari, b’ikel li juri l-influwenza tad-diversi pajjiżi li kkolonizzaw l-art matul is-sekli. L-ispam huwa favorit għall-kolazzjon ma’ ross moqli u bajd. Iżda daqstant popolari hija ż-zalzett tal-majjal chamorro lokali, zalzett frisk stil chorizo msemmi għall-popolazzjoni indiġena tal-gżira. Jisserva mixwi jew f’forma ta’ pulpetti.

Fil-Portugall, Uma mei de leite, taħlita ta’ nofs u nofs ta’ kafè u ħalib, huwa mod faċli biex tibda l-ġurnata.
Għalkemm ħafna Portugiżi jieħdu biċċa toast jew ħobż sempliċi flimkien max-xarba tagħhom, oħrajn jieħdu pasteis de nata, jew torti tal-custard tal-bajd b’mili ta’ krema tal-custard.

Il-pancakes syrniki tal-Ukrajna huma rotob min ġewwa u jqarmċu min barra u huma tajbin immens!
Huma magħmula b’ingredjent sempliċi. B’ġobon frisk magħmul mil-bdiewa, magħruf bħala tvorog, b’konsistenza simili għall-irkotta. Jistgħu wkoll jiżżejnu bi frott frisk, priżervi jew zokkor, Favoriti wkoll huma l-pancakes tal-patata jew il-blintzes, servuti ma’ krema qarsa.

Għall-kolazzjon fil-Ġamajka, id-dixx nazzjonali huwa ackee u ħut mielaħ. L-ackee, hija frotta ħelwa f’forma ta’ lanġas imħallat ma’ merluzz, tadam, tewm, chili u basla f’kolazzjon li jgħaqqad flimkien il-ħelu, il-mielaħ u l-pikkanti għal togħma ta’ gżira unika.

Fit-Tajwan, jibdew il-ġurnata b’dòu jiāng. Dan il-ħalib frisk tas-sojja huwa speċjalità tat-Tajwan, tipikament magħmul frisk minn bejjiegħa tat-triq u ristoranti kull filgħodu. Servut sħun fix-xitwa u kiesaħ fis-sajf, huwa kuntrast għall mal-pancakes, li huma wkoll parti mill-kolazzjon Tajwaniż.

Fl-Italja, l-espresso jew il-cappuccino spiss jiġu meħuda ma’ ħelu sempliċi bħal cornetto, jew croissant, mimli bil-custard jew Nutella.
Kif ukoll, sfogliatelle, għaġina b’ħafna saffi tqarmeċ u saffi b’mili ta’ irkotta ħelwa.

Meta niġu għall-brunch klassiku Amerikan, il-pancakes magħmulin mill-buttermilk flimkien ma’ munzell ta’ bejken iqarmeċ huma popolari.
Bħala tiżjin fil-wiċċ jista’ jkun varjat minn blueberries friski għal biċċiet taċ-ċikkulata u ġewż. Kif ukoll il-kisi klassiku ta’ butir u ġulepp tal-aġġru.

Għalkemm tinstema’ indulġenti, il-kavjar huwa fil-fatt ikel tal-kolazzjon Russu. Kemm jekk kavjar aħmar jew iswed, hu il-favorit ma pancakes still Russu bl-isem ta’ blini jew oladyi. meħudin l-aktar fi tmiem il-ġimgħa.


Matul il-ġimgħa, il-kolazzjon huwa aktar sempliċi. Normalment il-kavjar jidellek fuq ħobż tas-segala skur u ħelu, magħruf sempliċement bħala ħobż iswed. Xi kultant bi ftit butir ukoll.

Tkun xi tkun l-għażla tiegħek għall-kolazzjon…..nawgurawlek l-ikla t-tajba!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks