Select Page

Il-carpal tunnel tikkonsisti minn passaġġ dejjaq fuq il-parti ta’ quddiem tal-idejn u l-polz, li sservi bħala daħla għall-pala tal-id għal diversi tendini u kif ukoll, in-nerv medjan. In-nerv medjan għandu rwol importanti li jissupplixxi s-sensazzjoni lis-swaba, u kif ukoll li jiffaċilita l-moviment tas-suba’ l-kbir.

Is-sindromu tal-carpal tunnel għandu tendenza li jinqala’ minħabba kompressjoni kontinwa fuq in-nerv medjan. Din il-kundizzjoni tista’ tiġi preċipitata minn ċerti fatturi li jinkludu li tkun mara minħabba anatomija iżgħar tal-polz, ċerti kundizzjonijiet bħal ksur jew dislokazzjonijiet preċedenti fil-polz, artrite, dijabete, obeżità, tqala, menopawsa, disturbi fil-glandola tat-thyroid, mard tal-kliewi, u kif ukoll, permezz ta’ mozzjonijiet ripetittivi tal-idejn, li jinvolvu liwi fit-tul tal-polz waqt ħidmiet speċifiċi ta’ xogħol, bħall-użu ta’ għodod tal-kostruzzjoni, klerikali, tal-catering jew tal-parrukkiera, kif ukoll attivitajiet frekwenti oħra ta’ kuljum, bħas-sewqan, l-użu tat-telefon cellulari jew il-qari.

Is-sintomi gradwali tal-Carpal Tunnel jistgħu jinkludu sensazzjoni ta’ tnemnim jew dgħufija fis-swaba, fl-idejn, jew fid-driegħ. Ċerti individwi jistgħu jwaqqgħu oġġetti, u anke jkollhom it-tendenza li jċaqilqu idejhom sabiex itaffu dawn is-sintomi li jistgħu wkoll jiggravaw matul il-lejl jew malli wieħed iqum kmieni filgħodu.

Is-sindromu tal-carpal tunnel jista’ jinterferixxi mal-attivitajiet ta’ kuljum kif ukoll ifixkel l-irqad. Huwa importanti li wieħed ifittex parir mediku bikri, peress li jekk din il-kundizzjoni ma tiġix ittrattata, maż-żmien tista’ sseħħ ħsara permanenti fin-nervituri jew fil-muskoli.

Is-sindromu tal-carpal tunnel jista’ jiġi djanjostikat permezz ta’ eżami fiżiku, kif ukoll testijiet speċifiċi dwar il-kunduzzjoni tan-nervituri, li huma kapaċi jivvalutaw kwalunkwe tfixkil fl-attività elettrika tal-polz u l-idejn meta l-muskoli jikkuntrattaw u meta jkunu mistrieħa, permezz tal-użu ta’ elettrodi żgħar imwaħħla mal-ġilda.

Modi sempliċi biex titnaqqas il-pressjoni fuq in-nerv medjan u għalhekk jitnaqqas ir-riskju li tiżviluppa s-sindromu tal-Carpal Tunnel jinkludu: li żżomm qagħda tajba waqt il-ħinijiet tax-xogħol li tippermetti r-rilassament tal-idejn, it-teħid ta’ pawżi qosra u frekwenti, speċjalment meta tuża għodod tal-kompjuter jew tal-kostruzzjoni li jivvibraw, imqassijiet tal-parrukkiera jew cash registers.

Għażliet oħra ta’ trattamenti konservattivi għas-sindromu tal-carpal tunnel jinkludu l-użu ta’ splints tal-polz li ġeneralment jintlibsu bil-lejl, vitamini kumplessi tat-tip B li jippromwovu s-saħħa u r-riġenerazzjoni tan-nervituri, kif ukoll użu għal żmien qasir ta’ mediċini anti-infjammatorji jew injezzjonijiet ta’ kortikosterojdi li jtaffu l-uġigħ u n-nefħa.

Barra minn hekk, il-yoga u l-fiżjoterapija jistgħu jgħinu wkoll. Għal każijiet aktar severi li ma jirrispondux għal miżuri li semmejna, id-dekompressjoni tal-carpal tunnel tista’ tinkiseb ukoll permezz ta’ intervent kirurġiku, li tinvolvi dissezzjoni tal-ligament li kontinwament ikun qed jagħfas fuq in-nerv medjan.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks