Permezz ta’ filmat li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Xarabank, Peppi esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar id-distakk li kien hemm bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet ġenerali preċedenti.

Qabel dan però Peppi ħass li kellu jirreaġixxi għad-diversi kummenti li jingħadu dwaru u li ħafna drabi jimplikaw li l-opinjoni u l-ħsibijiet tiegħu jkunu ġejjin għaliex skont ħafna, huwa Nazzjonalist.

Peppi beda d-diskors tiegħu billi rrakkonta kif fis-snin 80, meta kien hemm il-Partit Laburista fil-gvern, kien jipprotesta dak li hu sejjaħ bħala attroċitajiet li kienu jsiru u saħansitra ġie arrestat għalxejn. Madanakollu huwa qal li kif inbidel il-gvern, kien l-ewwel persuna li għamel kawża kostituzzjonali kontra l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dr Eddie Fenech Adami biex ma jidħlux il-vapuri nukleari.

Kompla jgħid li kien hu l-ewwel persuna li ntrabat ma’ Kastilja meta Dr Eddie Fenech Adami kien Prim Ministru. Semma wkoll meta fi żmien il-Partit Nazzjonalista huwa weħel il-ħabs minħabba protesta dwar l-ambjent.

Qal ukoll li kien ikun id f’id mal-General Workers Union f’kull protesta li kienet issir fuq l-għoli tal-ħajja filwaqt li rrimarka li kien ikun qed jagħmel l-istess li kieku dawn il-protesti qegħdin isiru llum l-ħajja splodiet iżda l-GWU m’għamlet l-ebda protesta.

“U allura dak li se ngħid, m’għandux x’jaqsam jekk jien Nazzjonalist jew Laburist. Fatti se nitkellem.”

Peppi Azzopardi

Peppi saħaq li d-distakk li kien hemm bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali, mhux biss għamel ħsara lill-pajjiż imma wkoll lill-Partit Laburista.

Dan għaliex, skont Peppi, dan id-distakk tela’ għal ras il-Partit Laburista u tlett ijiem biss wara l-ewwel distakk li nkiseb bdew jinfetħu l-kontijiet fil-Panama u baqgħu għaddejjin qisu ma ġara xejn.

Żied jgħid li dik kienet waħda mir-raġunijiet li wasslet lil Joseph Muscat biex jirriżenja, filwaqt li qal li l-ġid kollu li kien qed jagħmel Joseph Muscat tħassar minħabba l-ħsara li kienet qed issir mhux biss f’Malta imma anke barra minn Malta.

Skont Peppi, l-istess distakk qatel lil Daphne Caruana Galizia. Dan għaliex il-konferma sabiex tinqatel Daphne ngħatat proprju wara l-aħħar elezzjoni ġenerali fejn għal darb’oħra reġa’ kien hemm distakk kbir bejn iż-żewġ partiti.

Huwa sostna li kieku ma kienx hemm dak id-distakk ma kienx jiġri dak kollu li ġara.

Fl-aħħar nett, Peppi appella, b’mod partikolari liż-żgħażagħ biex jifhmu l-importanza li f’din l-elezzjoni kulħadd jagħti s-sehem tiegħu biex dan id-distakk jonqos ħalli ma jerġax jitla’ għal rashom.

Ħeġġeġ lil min għadu qed jaħsibha jivvutax, anke min m’għandux fiduċja fil-Partit Nazzjonalista, biex jivvota ħalli jitnaqqas id-distakk.

Appella lil kulħadd isib mill-inqas persuna waħda u jikkonvinċiha biex tivvota, biex dan ikun jista’ jseħħ.

Saħaq li dan jagħmel ġid lill-Partit Laburista imma ħafna aktar lill-pajjiżna.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks