Il-midfielder ta’ Manchester United, Paul Pogba tkellem dwar l-esperjenzi ta’ dipressjoni li għadda minnhom diversi drabi matul il-karriera tiegħu.

Huwa żvela dan meta ġie mistoqsi jekk esperjenzax id-dipressjoni f’intervista mal-gazzetta Franċiża Le Figaro.

Pogba jemmen li huwa diffiċli għall-futbolers li jitkellmu fil-miftuħ dwar problemi ta’ saħħa mentali, filwaqt li saħaq li l-fatt li jirċievu salarju għoli ma jagħmilx lill-plejers immuni għaliex huma wkoll jgħaddu minn mumenti bħal dawn

Żied jgħid, li xi drabi lanqas biss tkun taf li għandek dipressjoni, tkun trid biss li tiżola ruħek, toqgħod waħdek.

Huwa qal li dan kollu beda meta José Mourinho kien il-maniġer ta’ Manchester United.

Pogba qal li jekk iħoss li ma jistax jasal waħdu fi żminijiet diffiċli, ħafna drabi jitkellem mal-mara tiegħu u ibnu, plejers li għaddew jew għaddejjin minnha, kif ukoll il-psikjatra tiegħu.

Sostna li ma jridx li dawn il-mumenti negattivi jġegħluh jinsa l-kisbiet kollha tiegħu.

Saħaq ukoll li jeħtieġ li jkun hemm aktar diskussjoni dwar is-saħħa mentali tal-futbolers.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks