Filwaqt li Jonas kien liebes pulit, xagħru mimxut lura b’mod eleganti, b’dehra impekkabbli, wiċċ donnu dak ta’ żagħżugħ, ġisem imlaħħam sew u maġenb karozza sabiħa lussuża u skura.
Kont qed inħoss il-piż tal-kuxjenza tniggiżni, hekk kif għaffiġt il-basket li kelli mdendel miegħi, taħt idejja b’mod aġitat.
“Ġejt għalija?” staqsejtu b’leħen baxx, nipprova ma nħarisx f’għajnejn ħija.
“U ma tafx li niġi għalik. Issa ejja oqgħod għandi fil-bidu sakemm tissetilja x’imkien ieħor. Jien waħdi ngħix,” qalli Jonas.
U ħadni miegħu d-dar.
L-ewwel ftit jiem ma stajtx nidra l-ħajja normali.
Għalkemm kont naf li ma kinitx ħaġa faċli, bdejt nerġa’ nfittex xogħol. U wara kont beħsiebni nfittex appartament żgħir.
Ħajja ġdida.
Libera.
Iżda kont qed inħossni xi ftit imbarazzat minn ħija.
Kien iħares lejja b’mod stramb.
Ftit diskors.
Mill-inqas.
Sa dakinhar.
Dakinhar li Jonas kien mar lejn ix-xogħol u bħas-soltu kien ħallieni waħdi d-dar.
Ħarist barra lejn il-ġnien.
U lmaħt l-għeruq tas-siġra l-kbira fil-ġnien ħerġin minn hemm taħt b’mod mhux normali.
U kien propju dak il-ħin li ddeċidejt li nirranġalha l-għeruq.
Hekk jew hekk, ma kelli xejn x’nagħmel!
Sibt pala u bdejt nipprova naqla’ ftit il-ħamrija li kien hemm fil-wiċċ.
Wara li kont tellajt ammont ta’ ħamrija ġmielha ‘il fuq, sibt kaxxa tal-ħadid midfuna hemm taħt.
Tgħid din x’kienet?
Tħassibt!
Kienet imdaqqsa.
Ħriġtha.
Ftaħtha.
Qalbi għamlet tikk.
Ġakketta safra.
U mazza.
Kieku flejtha aħjar, kont ninduna.
Kienet imtebba’ bid-demm niexef ta’ ħamsa u għoxrin sena ilu!
U jien……………
Jien kont servejt is-sentenza ta’ ħija!
Ħija it-tewmi.
Ħija Jonas.
Li kien iħarisli b’mod stramb.
Minjaf għalfejn hux?
U din…………….
Din kienet l-evidenza!

Avukata u Awtriċi