Select Page

Int it-tip ta’ persuna li immedjatament tarmi l-ikel li jkun għadda d-data ta’ skadenza tiegħu?

Jew, it-tip li taħseb….”U le, żgur li għadu tajjeb għalissa!”

Ilkoll nafu li hemm ċertu ikel li tista’ tiekol wara d-data tal-“best before” mingħajr ebda problema, iżda hemm xi wħud li aħjar qatt ma tpoġġi f’ħalqek wara l-iskadenza, għax inkella tkun qed tieħu r-riskju li timrad.

Pereżempju, hawn ħa nsemmulkom ħmistax-il tip ta’ ikel li qatt m’għandek tiekol jekk tkun għaddiet id-data ta’ skadenza tagħhom!

Kull laħam ikkapuljat huwa imprevedibbli, kemm fil-preservazzjoni kif ukoll fil-preparazzjoni tiegħu. Naturalment, ilkoll nafu li huwa kruċjali li ssajjar tajjeb biex tevita li timrad. Madankollu, ftit nies jafu li trid tissorvelja mill-qrib ħafna d-data ta’ skadenza tiegħu. Kapuljat skadut hu aktar probabbli li jkun ikkontaminat minn ”staphylococcus aureus” jew salmonella, u b’hekk tista’ tispiċċa b’avvelenament mill-ikel, jew agħar!

Il-ħut m’għandekx tiċċajta miegħu lanqas! Ladarba tkun laħqet id-data ta’ skadenza, ikollok bżonn tikolha jew tarmiha. Inkella, tkun qed timmultiplika ċ-ċansijiet tiegħek li tieħu ”listeriosis”, marda li tikkawża uġigħ addominali, dijarea, dardir, u rimettar. Dan huwa partikolarment perikoluż għan-nisa tqal, peress li jista’ jikkawża korriment.


Dawk l-insalati magħmulin lesti u ppakkjati li ssib fil-ħwienet, huma faċli u mill-isbaħ, sakemm tikkunsmahom qabel id-data ta’ skadenza tagħhom! Minħabba li setgħu tkabbru ħdejn ilma kontaminat, jistgħu jkunu mimlija batterji li jkollhom żmien biżżejjed biex jimmultiplikaw!

Bħal ħafna mill-frott tal-baħar, il-gambli huma fraġli. Anke meta tirrispetta d-data ta’ skadenza, jekk kienu maħżuna jew immaniġġjati ħażin, setgħu ġew ikkontaminati minn diversi batterji. Biex tnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni, dejjem żomm mad-data ta’ skadenza.

Ir-raspberries jitħassru ħafna. Huwa rakkomandat li jittieklu ftit wara li jinxtraw. Inkella, se jiddeterjoraw u jittrasformaw fi speċi ta puree li xejn ma tiftaħlek l-aptit. U wkoll, dak huwa ambjent opportun għall-multiplikazzjoni ta’ ‘cyclospora cayetanensis’, batterja li tikkawża cyclosporiasis, marda li għandha diversi sintomi simili għal dawk ta’ avvelenament mill-ikel.

Il-frawli ma jżommx aktar minn tlett ijiem fil-friġġ. Minn hemm ‘il quddiem, isiru pjuttost rotob u mkemmxin. Huma wkoll suxxettibbli li jimtlew batterji. Jekk tesponihom għas-sħana, se jdumu saħansitra inqas ħin tajbin.

Ġobon artab. Il-biċċa l-kbira tal-ġobon iebes, tista’ taqta’ l-moffa u tiekol il-bqija. Madankollu, f’ġobon artab, bħal feta jew brie, mhix idea tajba li tagħmel dan. Dan it-tip ta’ ġobon huwa aktar suxxettibbli għal-listeria monocytogenes, il-batterja li tikkawża listeriosis.

Il-pasturizzazzjoni telimina l-biċċa l-kbira tal-batterji preżenti fil-ħalib. Madankollu, m’hemm xejn li jiggarantixxi li l-ħalib ma kienx ikkontaminat wara. Pereżempju, seta’ kien maħżun ħażin fil-maħżen tal-grocer, li seta’ ppermetta li ċerti batterji jimmultiplikaw. Li tixrob ħalib qares iżid ir-riskju tiegħek li tbati minn avvelenament mill-ikel. Is-sintomi huma ħafna: bugħawwieġ fl-istonku, dardir, deni, u dijarea.

Jekk qed tagħmel krema d-dar (homemade whipped cream), huwa importanti li tikolha malajr. Mhux biss għax tista’ timrad, imma għax titlef it-togħma tagħha. Sa l-għada tkun diġà saret pjuttost likwida.

It-tiġieġ irid ikun imsajjar sew u maħżun sew biex jiġu evitati problemi ta’ saħħa. It-tiġieġ li jittiekel wara d-data ta’ skadenza tiegħu jista’ jkun ikkontaminat minn E. coli, batterji li jikkawżaw ħafna mard bħal gastroenterite, meninġite, u infezzjonijiet fl-awrina. Barra minn hekk, ma tistax tafda d-dehra tiegħu meta tiġi biex tiddeċiedi jekk it-tiġieġ għadux tajjeb jew le. L-aħjar huwa li tmur skont id-data miktuba fuq l-imballaġġ.

Il-weraq tal-ispinaċi għandhom tendenza li jitħassru malajr, speċjalment jekk ikunu mxarrbin. Tant li huwa prattikament impossibbli li tikolhom lil hinn mid-data ta’ skadenza tagħhom. Biex ittawwal il-ħajja tagħhom, nixxifhom sew u laħlaħhom qabel l-użu biss.

Skont it-twemmin popolari, laħmijiet imsajra u mixtrijin lesti (bħal pulpetti pereżempju) jibqgħu tajbin għal xhur. Madankollu, huwa importanti li tmur skont id-data ta’ “l-aħjar qabel” tagħhom, sakemm ma tridx ikollok listeriosis! Bosta sintomi ta’ din il-marda huma simili għal dawk ta’ avvelenament mill-ikel. Barra minn hekk, f’xi nies bħat-tfal jew l-anzjani, jista’ jwassal ukoll għal meninġite.

L-arzell ma jistax jinħażen għal żmien twil. Arzella bil-qoxra ddum sa tlett ijiem fil-friġġ, filwaqt li mingħajr qoxra tibqa’ għal 24 siegħa biss. Wara dan, jibdew jinxtammu b’mod qawwi u jsiru ma jistgħux jittieklu.
L-stess, għandek dejjem issegwi d-data ta’ skadenza fejn tidħol il-gajdri (oysters). L-ewwelnett, minħabba li gajdra mħassra tagħti riħa ħażina, u wkoll peress li jistgħu jiġu kkontaminati b’vibrio vulnificus, batterji li jwasslu għall-avvelenament tad-demm.

In-nebbieta tal-fażola (bean sprouts) huma essenzjali għall-kċina Ażjatika. Sfortunatament, imorru malajr ħafna, speċjalment meta jitħallew fl-ippakkjar issiġillat tagħhom. Huwa rakkomandat li taħżenhom f’borża tal-karti kannella fil-friġġ u tistenna l-iktar jumejn qabel tikolhom.

Ovvjament, qatt m’għandek tiekol bajda ħażina. Madankollu, jekk ma tkunx ċert, hemm trick sempliċi biex tiddetermina jekk bajda għadhiex friska jew le. Poġġiha fi skutella mimlija bl-ilma u ara x’jiġri. Jekk il-bajda tibqa’ f’wiċċ l-ilma, dan ifisser li għandek bżonn tarmiha. U jekk tegħreq, tkun tista’ tikkunsmaha bla ebda problemi.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks