Bosta jinsabu urtati għaliex minkejja li numru ta’ restrizzjonijiet tal-Covid-19 għadhom fis-seħħ, fosthom l-użu obbligatorju tal-maskra fl-iskejjel, fl-attivitajiet li saru miż-żewġ partiti waqt il-kampanja elettorali ftit li xejn ġew segwiti r-restrizzjonijiet.

Minkejja li fil-mass rallies taż-żewġ partiti kienu jattendu ġemgħat kbar ta’ nies, wieħed seta’ jinnota li ma kinux qed jiġu mħarsa r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa komplew iqanqlu reazzjonijiet fost dawk li ma jħossux li huwa ġust li r-restrizzjonijiet ma ġewx segwiti fil-preżenza tal-istess awtoritajiet.

Dan meta skont kif ġie mħabbar, huwa biss mill-10 t’April li attivitajiet tal-massa fuq barra b’persuni bilwieqfa se jkunu jistgħu jibdew isiru kompletament bla restrizzjonijiet.

Uħud qegħdin jistaqsu jekk dan kollu huwiex se jħalli impatt fuq in-numru ta’ każijiet tal-Covid-19. U jekk dan ikun il-każ, kif se jirreaġixxu l-awtoritajiet?

Intant, fl-ewwel messaġġ wara l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Ministru, Robert Abela qal li l-gvern se jkompli fit-triq biex jitneħħew għal kollox ir-restrizzjonijiet.

Int taqbel li r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 ġew imwarrba waqt il-kampanja elettorali u ċ-ċelebrazzjonijiet?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks