Ħames persuni nqatlu b’tiri ‘l barra minn Tel Aviv, Iżrael.
Dan huwa t-tielet attakk fatali tat-tip tiegħu fi żmien ġimgħa.
L-attakk seħħ fi Bnei Brak, waħda miż-żoni l-aktar popolati tal-pajjiż fejn fiha jgħixu nies ultra-Ortodossi.
Ir-residenti fi Bnei Brak u l-belt ġirien ta’ Armata Gan irrappurtaw li raġel beda jispara lejn in-nies li kienu għaddejjin waqt li kien qed isuq. L-aggressur inqatel mill-pulizija.
Persuna waħda nstabet mejta f’vettura u oħrajn fit-toroq tal-madwar.
Il-forzi tas-sigurtà Iżraeljani kienu fuq allert kbir wara attakki mill-Għarab Iżraeljani nhar it-Tlieta u l-Ħadd li għaddew, li ħallew sitt persuni mejta
Rapporti fil-midja Iżraeljana qalu li l-aggressur kien Palestinjan ta’ 27 sena.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Naftali Bennett qal li l-Iżrael qed jiffaċċja mewġa ta’ terroriżmu mill-Għarab.
L-eks Prim Ministru u mexxej attwali tal-oppożizzjoni Benjamin Netanyahu qal li l-Imrael qiegħed f’nofs mewġa perikoluża ta’ terroriżmu li ilhom ma jaraw għal ħafna snin. Żied jgħid li trid tittieħed azzjoni biex jerġgħu jinkisbu l-paċi u s-sigurtà liċ-ċittadini ta’ Iżrael.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken ikkundanna wkoll l-attakk u qal li din il-vjolenza hija inaċċettabbli u li l-Iżraeljani, bħall-persuni kollha madwar id-dinja, għandhom ikunu jistgħu jgħixu fil-paċi u mingħajr biża’.
Il-President Palestinjan Mahmoud Abbas ikkundanna l-attakk ukoll, madanakollu, il-grupp militanti Palestinjan Hamas, li jiggverna Gaża, faħħar l-attakk.
