Fuq programm imtella’ mit-Times of Malta, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret li l-aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta mhux se jiġi ppubblikat fuq il-paġna ta’ Facebook tas-saħħa.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-fehmiet tal-pubbliku huma differenti, filwaqt li hemm min ried li l-aġġornamenti jibqgħu jiġu ppubblikati fuq Facebook, hemm oħrajn li ħassew.

Għaldaqstant, dawk kollha li jixtiequ jibqgħu jżommu ruħhom aġġornati kuljum dwar is-sitwazzjoni jistgħu jagħmlu dan permezz tas-sit Github.

Illum ġew irrappurtati 717 każ ġdid tal-Covid-19, 216 persuna fiequ u 3 persuni mietu waqt li kienu pożittivi.

100 persuna jinsabu l-isptar Mater Dei filwaqt li 4 persuni jinsabu fil-kura intensiva.

Dan ifisser li n-numru ta’ każijiet attivi issa huwa ta’ 5,783.

Il-Professur Gauci qalet li ż-żieda ta’ każijiet kienet mistennija minħabba li tnaqqsu l-miżuri, in-numru ta’ nies li ltaqgħu ma’ xulxin fil-ġimgħat li għaddew żdied kif ukoll minħabba l-kesħa.

Hija qalet ukoll li dawk li huma pożittivi għall-Covid-19 u jinsabu l-isptar ma jfissirx li jkunu l-isptar minħabba kumplikazzjonijiet tal-Covid-19, jista’ jkun li jkunu daħlu b’xi mard ieħor u mbagħad jiġu ttestjati.

Meta l-ġurnalista staqsietha jekk in-numru ta’ nies li nġabru flimkien fil-kampanja elettorali li għadha kemm għaddiet kif ukoll wara hux hux mistenni li jaffettwa n-numru ta’ każijiet ġodda fil-jiem li ġejjin, il-Professur Gauci evitat li tindirizza s-sitwazzjoni speċifika, madanakollu qalet li meta jkollok ħafna nies flimkien, tkun qed tistenna li se jiżdiedu l-każijiet. Saħqet ukoll li se jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks