It-tabiba Georgiana Farrugia Bonnici qasmet fuq Il-midja soċjali esperjenza xejn sabiħa li għaddiet minnha lbieraħ, proprju f’Jum Nazzjonali tat-Tobba.

Dr Farrugia Bonnici rrakkuntat kif minkejja li tagħmel xogħolha b’dedikazzjoni u passjoni, ilbieraħ sfat aggredita verbalment fuq it-telefowm minn persuni li kellhom is-sintomi tal-Covid-19 u ma jridux jagħmlu swab test jew saħansitra persuni li huma pożittivi u ma jridux joqogħdu kwarantina.

Hija qalet li kieku dan seħħ fi klinika kienet tgħajjat lis-security u joħroġhom barra mill-kamra, għaldaqstant irrimarkat li l-fatt li s-servizz jingħata fuq it-telefown jew onlajn ma jagħtix id-dritt lill-persuna li tabbuża minn min ikun qed jipprova jagħmel l-aħjar li jista’ biex wieħed jinqeda mill-kumdità ta’ daru.

“Nixtieq nuri solidarjetà ma’ sħabi t-tobba, infermiera u telephone operators tal-kura primarja u tas-saħħa pubblika li jkollhom jgħaddu minn dawn l-abbużi fuq bażi kontinwa. Iddeċidejt li ntella’ din il-post għax it-tajjeb jirbaħ żgur u li tibqa’ siekta f’ċirkostanzi bħal dawn ma jwassalx biex tinbidel is-sitwazzjoni.”

Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Dr Georgiana Farrugia Bonnici appellat biex pariri fuq is-saħħa jittieħdu minn professjonisti tas-saħħa. Ġabet l-eżempju li meta wieħed ikollu bżonn parir legali imur għand l-avukat u mhux għand accountant. Żiedet tgħid li li bħalissa Malta marida għaliex ilna ġimgħat b’numru kbir ta’ każijiet ġodda u għalhekk wieħed irid joqgħod attent.

“Issa r-responsabilità f’idejna, qalulna! Saħħtek f’idejk, u se jagħtuk il-poter li tagħżel int! Iżda tkunx parti mill-merħla ta’ Bendu! Tippretendix li l-ewwel tkun irresponsabbli, tmur titħallat ma’ eluf ta’ nies ‘l hemm u ‘l hawn u mbagħad tibża’ tiffaċċja r-realtà li tkun ġibt int stess b’idejk għalik u għal ta’ madwarek!”

Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks