Bruce Willis se jirtira mill-karriera tiegħu ta’ attur wara li ġie dijanjostikat bl-aphasia, kundizzjoni li tfixkel l-abilità ta’ persuna li titkellem u tikteb.
Il-familja tal-attur, inklużi martu Emma Heming Willis u l-eks mara tiegħu Demi Moore ħabbru l-kundizzjoni tiegħu fuq Instagram.
Willis, ta’ 67 sena, huwa magħruf l-aktar għall-interpretazzjoni tiegħu tal-karattru bl-isem ta’ John McClane fil-films Die Hard, li għamluh stilla.
Il-familja tiegħu qalet li b’ħafna konsiderazzjoni Bruce se jirtira mill-karriera li tant fissret għalih. Filwaqt li qalu li dan hu żmien ta’ sfida għalihom, il-familja rringrazzjaw lil kull min qed juri mħabba, kompassjoni u sapport lejhom.
Willis għandu ħamest ibniet, tlieta ma’ Demi Moore u tnejn ma’ Emma Heming Willis.
X’inhi l-aphasia?
- Meta persuna jkollha diffikultà bil-lingwa jew biex titkellem.
- Normalment tkun ikkawżata minn ħsara fin-naħa tax-xellug tal-moħħ, bħal puplesija.
- Tfixkel l-abilità li taqra, tisma’, titkellem, tittajpja jew tikteb.
- Id-diffikultajiet biex titkellem huma l-aktar komuni u jistgħu jinvolvu t-tqegħid tal-kliem flimkien b’mod żbaljat.
Il-karriera tiegħu ta’ attur bdiet fil-bidu tas-snin 80 iżda ma kisibx suċċess qabel aktar tard f’dak id-deċennju, l-ewwel wara li ħadem ma’ Cybill Shepherd fis-serje televiżiva ta’ ABC, Moonlighting u mbagħad fl-interpretazzjoni tiegħu fl-1988 bħala John McClane fl-ewwel film ta’ Die Hard.
Minn dakinhar, il-films tiegħu inklużi, The Sixth Sense, Armageddon u Pulp Fiction ġabru aktar minn $5 biljun madwar id-dinja skont Variety.
Huwa ġie nominat għal ħames Golden Globes fejn rebaħ wieħed minnhom għal Moonlighting, u ġie nominat ukoll għal tliet Emmys fejn rebaħ tnejn minnhom.
