Tkompli tiżdied il-kontroversja hekk kif Manuel Delia ippubblika l-iskript tal-produzzjoni teatrali Ix-Xiħa.
Din il-produzzjoni satirika li se tkun qed tittella’ x-xahar d-dieħel fit-teatru Manoel, hija miktuba minn Mario Philip Azzopardi.
Karattru minn din il-produzzjoni se jkun ibbażat fuq il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Dan qanqal diversi reazzjonijiet u kritika qawwija minn diversi artisti Maltin, partikolarment minħabba l-assoċjazzjoni ta’ Mario Philip Azzopardi ma’ Joseph Muscat u d-dramm li kien ippjanat li jtella’ bl-isem ta’ Min Qatel lil Daphne Caruana Galizia, qabel ma fil-verità nqatlet, li kien jinvolvi l-ġurnalisti tmut fgata.
Hekk kif ippubblika l-iskript tal-produzzjoni fil-blog tiegħu, Manuel Delia qal li qed jagħmel dan mhux jippromwovi d-dramm jew biex jaqrawha ħafna nies, anzi ħeġġeġ li jekk wieħed jieħu ħsieb is-saħħa fiżika u mentali ma jaqrahx.
Delia qal li l-iskript huwa miktub ħażin, superfiċjali u mimlija mibgħeda u preġudizzju, u għażel li jippubblika l-iskript bħala l-mod kif jipprotesta kontra dan id-dramm.
Huwa sostna li l-karattru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed jiġi interpretat b’mod li jagħti dehra ħarxa tagħha.
Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Mario Philip Azzopardi tella’ dak kollu li qal Manuel Delia fil-blog tiegħu. B’reazzjoni għal dan, Delia kkummenta “Kiss my sweaty balls“.
