Il-President Russu Vladimir Putin qal li l-bumbardamenti fil-belt Ukrena, Mariupol, jieqaf biss meta t-truppi Ukreni jċedu.
Putin qal dan matul telefonata ta’ siegħa mal-President Franċiż Emmanuel Macron nhar it-tlieta bil-lejl.
Uffiċjali Franċiżi qalu li madanakollu, il-mexxej Russu qabel li jikkunsidra pjanijiet biex jiġu evakwati n-nies tal-belt.
Aktar tard ir-Russja pproponiet waqfien mill-ġlied ta’ ġurnata għal-lum.
Il-ministeru tad-difiża qal li l-waqfien mill-ġlied se jippermetti lin-nies jivvjaġġaw lejn il-punent, lejn Zaporizhzhia permezz tal-port ikkontrollat mir-Russja ta’ Berdyansk.
Kmieni filgħodu, id-deputat Prim Ministru tal-Ukrajna Iryna Vereshchuk qalet li konvoj ta’ karozzi tal-linja Ukren kienu fi triqithom lejn Mariupol biex jippruvaw jevakwaw lin-nies
Hija qalet ukoll li l-kumitat internazzjonali tar-Red Cross ikkonferma li r-Russja qablet li tiftaħ kuritur umanitarju għall-belt.
Franza, flimkien mat-Turkija, il-Greċja u diversi gruppi umanitarji, ippreżentaw lil Putin pjan biex jevakwa l-belt.
Uffiċjali qalu li Putin qal lil Macron li se jaħseb dwar il-proposta. Madanakollu, il-Kremlin qal li Putin ma pprovda l-ebda assigurazzjoni għal dan.
Uffiċjali Russi qalu li Putin qal lill-mexxej Franċiż li sabiex tissolva s-sitwazzjoni umanitarja diffiċli f’din il-belt, it-truppi Ukreni jridu jieqfu jirreżistu u jċedu l-armi.
