Kulħadd jaf fuq l-invażjoni inġusta li seħħet fl-Ukrajna, bosta mill-oċċident ma jaqblux, oħrajn siekta.

Biss dan l-artiklu mhux dieħel fuq il-politika ta’ bejn ir-Russja u l-Ukrajna, imma pjuttost biex nifhmu x’qed isir minn grupp ta’ żgħażagħ Ukreni li baqgħu ġewwa pajjiżhom biex jassistu lil dawk kollha li sfaw vittma, jgħinu lil militar li qed jiddefendihom lejl u nhar waqt li għandhom ħafna nuqqasijiet fosthom ikel, prodotti iġeniċi, kif ukoll mediċina.

Dwar dan tkellimna ma’ Patrick Vella, li ħafna minnkom rawh l-aħħar fil-programm tiegħu Il-Vjaġġatur li intwera għal tliet sensiliet fuq TVM.

Patrick qiegħed jaħdem b’mod remot ma’ organizzazzjoni tista’ tgħid kważi improvizzata minħabba li din l-organizzazzjoni inħolqot hekk kif bdiet din il-gwerra kiefra, meta r-Russja iddeċidiet li tattakka bl-aktar mod aggressiv lill-pajjiż ġar tagħhom, l-Ukrajna.

Patrick huwa dak il-persuna li minbarra li jgħinhom biex jiġbru l-mediċini kif ukoll flus, huwa wkoll il-persuna li qed jieħu ħsieb b’mod viżwali u diġitali, kif ukoll artistiku biex jasal il-messaġġ tagħhom mad-dinja kollha. Din l-organizzazjoni bl-isem ta’ Alexey Osker Charity Foundation, għandhom appell għalina l-Maltin.

Alexey, il-fundatur jinsisti illi għalkemm qed jintbagħtu ammonti kbar ta’ prodotti li jissarfu f’għajnuna bħal mediċini, ħwejjeġ, ikel għat-trabi, kif ukoll għall-kbar, ħafna minnhom qed jieqfu għar-refuġjati barra l-pajjiż.

Madanakollu, il-ftit li qed jidħol ġewwa l-pajjiż qed jiġi meħud mill-awtoritajiet minuri u jeħduhom għalihom u għall-iskopijiet tagħhom. Alexey jgħid li diġà fetaħ ammont sostanzjali ta’ investigazzjonijiet kontra dawn in-nies, u lest li jkompli jiġġieled għal niesu u biex titrażżan il-koruzzjoni. Biss, il-fondazzjoni għandha bżonn l-għajnuna tagħna l-Maltin, u titlob lill-għaqdiet li qegħdin jiġbru biex jintbagħat porzjoni minnhom għall-fondazzjoni sabiex tkun tista’ twassal dawn l-elementi bażiċi lin-nies li verament għandhom bżonn għax sfaw vittma ta’ din il-gwerra.

Wieħed jista’ jsegwi x’qed jiġri billi jidħol fil-paġna ta’ Facebook ta’ Alexey Osker u jara b’għajnejh ix-xogħol li qegħdin iwettqu hu u t-tim żgħir imma dinamiku tiegħu.

Patrick Vella min-naħa tiegħu qed jagħti sehmu b’mod remot, kif ukoll lest li malli tispiċċa l-gwerra, se jkun qiegħed jgħinhom hemm waqt li jkun qed iħejji filmati esklussivi għal xi stazzjon partikolari biex iwassal dokumentarju trasparenti imma b’mod interessanti kif jaf jagħmel Patrick bħal meta rajnih fuq il-programm Il-Vjaġġatur.

Għal aktar informazzjoni dwar l-Alexey Osker Charity Fund, wieħed jista’ jikkuntattja lil Patrick Vella kif ukoll kuntatt dirett magħhom u tkun tista’ tara b’għajnejk dak li hemm bżonn isir biex verament din l-għajnuna tasal ġewwa l-pajjiż fejn għandhom verament bżonn alimentazzjoni, mediċini u ħwejjeġ.

Il-messaġġ f’dan il-filmat jibda bil-lingwa Ukrena u aktar tard bl-Ingliż

“Ejjew ngħinuhom” huwa l-messaġġ li Patrick qed jipprova jwassal.

Li jiddispjaċina biss xħin naraw xi xena makabra fuq l-aħbarijiet, mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ li nagħmlu aktar minn hekk, u nagħtu s-sehem tagħna.

Jekk int li qed taqra dan l-artiklu, tixtieq tagħti sehmek, tista’ tagħmel dan billi:

Tagħmel kuntatt ma’ Patrick Vella jekk tixtieq titkellem bil-Malti.

Jew inkella tista’ tkellem direttament lil Alexey Osker fuq il-paġna ta’ Facebook.

Tista’ wkoll tuża’ WhatsApp jew telegram b’dan in-numru +380673260792

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks