Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ltaqgħet mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, li sejħilha żjara erojka.

Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-President Metsola tellgħet ritratt li juri lilha u lill-President Zelenskyy jieħdu b’idejn xulxin.

Fid-deskrizzjoni tar-ritratt Metsola kitbet tliet kelmiet, “kuraġġ, saħħa, soluzzjoni.”

Iż-żjara tagħha ntlaqgħet mill-mexxej Ukren li, f’diskors imtella’ fuq il-midja soċjali, sejjaħ din iż-żjara bħala mument importanti għall-pajjiż.

Fid-diskors tiegħu, Zelenskyy irrefera għall-pass li għamlet Metsola bħala wieħed erojku. Żied jgħid li hija xi ħaġa naturali li huma jiddefendu l-Ukrajna għax huwa pajjiżhom u ħajjithom iżda li Metsola żaret il-pajjiż f’dan iż-żmien huwa pass importanti ħafna ta’ appoġġ lejn il-poplu tagħhom.

Ix-xahar li għadda, il-Prim Ministri tal-Polonja, Slovenja u Repubblika Ċeka żaru wkoll l-Ukrajna sabiex jikkonfermaw l-appoġġ tagħhom.

Fid-diskors tagħha waqt li indirizzat lill-parlament Ukren, Metsola qalet li qed iżżur l-Ukrajna bħala rappreżentanta tal-Parlament Ewropew biex twassal messaġġ wieħed lill-Ukreni: “Aħna qegħdin magħkom. Fi żminijiet tajbin u inqas tajbin, aħna qegħdin magħkom.”

Metsola għamlet tliet wegħdiet waqt id-diskors tagħha: Li l-UE żżomm responsabbli lil dawk li qed jagħmlu ħsara fil-pajjiż, li tieħu ħsieb il-familji li qed ikollhom jaħarbu minn djarhom u li tappoġġja l-aspirazzjonijiet Ukrajna dwar l-UE.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks