Teatru Manoel ħabbar li kkanċella l-produzzjoni ‘Ix-Xiħa’ ta’ Mario Philip Azzopardi.
Fi stqarrija, it-Teatru Manoel qal li wara konsiderazzjoni bir-reqqa, il-Bord tat-Tmexxija tat-Teatru Manoel iddeċieda unanimament li jikkanċella l-produzzjoni Ix-Xiħa, li kellha tittella’ mid-29 ta’ April sat-8 ta’ Mejju.
Wara diversi reazzjonijiet mill-pubbliku, u minħabba li l-Bord tat-Tmexxija tat-Teatru Manoel jagħti kas is-sentimenti fost l-udjenzi tiegħu u fi ħdan il-komunità artistika, il-produzzjoni ġiet imħassra b’effett effett immedjat, intqal fl-istqarrija.
Il-Bord tat-Tmexxija tat-Teatru Manoel iddiskuta dan f’laqgħa li saret illum wara żviluppi fuq il-midja soċjali u pubblika.
Kelliem għall-Bord qal li din il-produzzjoni tiġi kkanċellata hija deċiżjoni tajba. Żied jgħid li t-Teatru Nazzjonali ta’ Malta għandu responsabilità lejn il-komunità artistika, l-artisti u l-udjenzi tiegħu.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li lbieraħ, Manuel Delia ppubblika l-iskript tal-produzzjoni.
Min-naħa l-oħra, fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Mario Philip Azzopardi qal li xi atturi ddeċidew li jieqfu wara theddid ta’ vjolenza. Qal ukoll li l-produzzjoni Ix-Xiħa ġiet ikkanċellata u żied dak li hu rrefera bħala “rebħu”.
