Select Page

Bħalissa ġewwa Il-Kamra ta’ Fuq, l-Imqabba, għaddejja wirja kollettiva li tesplora t-tema tan-Non Finito bl-isem ta’ Art Interrupted.

Fl-istorja tal-arti nsibu bosta biċċiet tal-arti li mhumiex kompluti, dan iseħħ minħabba raġunijiet varji. Fosthom wieħed jista’ jsemmi, meta artist jiddeċiedi li jabbanduna biċċa xogħol għax ikun tilef l-interess jew biex jibda jaħdem fuq xi ħaġa oħra. Raġuni oħra jaf tkun li l-artist jiddeċiedi li jieqaf għax iħoss li sa fejn wasal b’xogħlu kapaċi jwassal messaġġ. Jista’ jagħti l-każ ukoll li biċċiet tal-arti fl-istorja baqgħu mhux kompluti ghax l-artist ikun għadda għal ħajja oħra, qabel ma jkun temm il-biċċa xogħol. Artist jista’ jiddeċiedi li jieqaf jaħdem sabiex jinvolvi aktar lill-udjenza, dan meta jħallihom liberi jiffinalizzaw il-biċċa xogħol f’moħħhom, skont l-ideat, l-esperjenzi u l-ħsus tagħhom.

Għaldaqstant in-Non-Finito u kif jirrifletti ċar fl-isem tal-wirja, Art Interrupted, joħloq element ta’ intrigu u faxxinu, meta l-individwu li qiegħed japprezza l-arti jsib ruħu jiddependi fuq l-immaġinazzjoni personali tiegħu sabiex jitkomplew u jiffinalizzaw dawn il-biċċiet tal-arti.

Din il-wirja se tibqa’ miftuħa sas-17 t’April 2022 u hija kkurata minn Melanie Erixon, għal Art Sweven.

L-artisti li qed jieħdu sehem f’din il-wirja huma Mario Abela, Alex Attard, Aaron Bezzina, Daniel Borg, Gabriel Buttigieg, Debbie Caruana Dingli, Antoine Farrugia u Darren Tanti.

Għal aktar informazzjoni żur: ART INTERRUPTED u Il-Kamra ta’ Fuq.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks