Karistu ħareġ bil-mod minn taħt il-gverta mikula kamla, illi kienet qiegħda tgħattilu minn qaddu ‘l isfel u resaq qajla lejn it-tieqa mkissra li kienet l-unika mezz biex iħares ‘il barra lejn is-sema skura u mmensa li kien hemm quddiemu. Għamel wiċċu eqreb lejn il-ħġieġ ħalli jkun jista’ jara aħjar.
Kien se jistenna.
Issa dalwaqt.
Illum kienet l-aħħar tas-sena. Dak il-lejl illi kien ikun qed jistennih minn qalbu! Għada! Għada kien jarah!
Minn meta kien żgħir, Karistu qatt ma kien ried skola. Kien traskurat u l-marki qatt ma kien iġibhom tajbin. Ta’ età żgħira kien ħareġ mill-iskola u mar jgħin lil zijuh fl-għalqa. Hekk biss kien jaf jagħmel; jaħdem fl-għelieqi. Iżda wara xi ftit, l-għelieqi ta’ zijuh kienu spiċċaw mal-mewt tiegħu u l-biċċiet tar-raba’ kienu tqassmu bejn il-werrieta. Minn dakinhar ‘l hawn qatt ma kien ħadem.
Dawwar ħarstu madwar il-kamra b’ġirja, li ma jmurx jitlef il-logħob tan-nar li kienu jinħarqu eżatt mat-tokki ta’ nofsillejl malli s-sena l-ġdida tidħol fis-seħħ.
Il-kamra kienet mudlama, kiesħa u vojta. Għamara ma kien hemm xejn. Żewġt ikmamar f’għalqa neqsin minn kollox. Sodda u mejda kollha susa. Dak biss kellu. Kien jgħaddiha billi kien jagħmel xi biċċa xogħol ‘l hemm u ‘l hawn iżda mhux l-ewwel darba illi kien imur jorqod bil-ġuħ.
F’ħajtu ma kellu lil ħadd. Ħadd ma kien jimpurtah minnu.
Hu biss.
Hu biss kien.
Is-sinjur.
Hekk kien laqqmu.
Dak il-lejl kien ikun qed jistennih għax kien jaf li l-għada kien se jimla’ l-ħawsla b’kemm Alla ħalaq ikel bnin u tajjeb.
Eżatt dak il-ħin malli kien diġà beda jħoss id-dmugħ iġelben ma’ ħaddejh, bdew. Kuluri sbieħ jiftħu fis-sema, jixgħeluha għal mumenti prezzjużi. Kuluri mogħnija b’ħoss li kien jisimgħu donnu mużika f’widnejh.
“Is-sena t-tajba, Karistu……” qal lilu nnifsu.
Leħnu dewa maż-żewġt ikmamar u ntefa’ mal-ħsejjes tan-nar tal-ajru li Karistu kien qed jara minn ġol-ħġieġ imkisser.
Malli spiċċa n-nar, seta’ jisma’ l-ħsejjes tan-nies jiċċelebraw mill-bogħod waqt li daħal lura bil-galbu fis-sodda. Għajnejh waqgħu fuq il-biljett tal-lotterija illi kien xtara mill-gabbana qrib daru, bil-flus li kien ġabar fit-triq, waqt li beda jisma’ żaqqu tgerger. Għalaq għajnejh u ħassu jistrieħ f’raqda fonda.
Ma tantx kien ilu li qam. Fejn is-soltu kien jagħmel kollox bil-mod u b’paċenzja kbira, dik il-mixja ta’ kull nhar l-ewwel tas-sena filgħodu kien kważi jiġriha. Kellu seba’ mitt sena sakemm jarah!

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks