Il-Malta Union of Midwives and Nurses issostni li kuntrarjament għal dak li qal il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, l-isptar Mater Dei jinsab fi kriżi qawwija b’pazjenti li huma pożittivi għall-Covid qed jinfirxu fis-swali kollha.

Dalgħodu, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li s-sitwazzjoni fl-isptar Mater Dei hija taħt kontroll u li r-restrizzjonijiet se jkomplu jitneħħew fil-jiem li ġejjin.

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li bħalissa f’Mater Dei hemm aktar minn 150 pazjent li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 mifruxa fis-swali kollha li joħolqu riskju għoli ta’ infezzjoni fl-isptar kollu.

L-unjin qalet li n-nuqqas kbir ta’ infermiera huwa kawża ta’ ammont kbir ta’ infermiera mibgħuta fuq kwarantina li jirriżulta li diversi swali jibqgħu b’żewġ jew tliet infermiera biss minflok sitta.

Tliet swali sħaħ fl-isptar Mater Dei kellhom jiġu trasformati kompletament għall-pazjenti li huma pożittivi għall-Covid-19. L-MUMN qalet ukoll li l-infermiera qed jirrifjutaw li jaħdmu overtime anke meta mitluba ripetutament mill-maniġment tal-isptar, minħabba li xi wħud qed isofru minn burnout.

L-MUMN sostniet li s-sitwazzjoni hija ddisprata u li l-Ministru tas-Saħħa qed jirrifjuta li jnaqqas il-kirurġija elettiva biex jikkumpensa għaż-żieda kbira ta’ każijiet tal-Covid u n-nuqqas kbir ta’ infermiera fis-swali.

Skont l-MUMN, in-numru kbir ta’ każijiet tal-Covid-19 fis-swali kollha laħaq sal-punt fejn kull sala f’Mater Dei qed ikollha pazjenti li jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19.

L-unjin saħqet li l-politika m’għandha tkun l-aġenda ta’ l-ebda ministru tas-saħħa u jekk il-Ministru tas-Saħħa jirrifjuta li jnaqqas il-kirurġija elettiva, ir-riskji ta’ trażmissjoni tal-Covid jiżdiedu kemm għall-istaff kif ukoll għall-pazjenti.

Fl-istqarrija ntqal ukoll li l-kurituri, il-librerija u l-canteen tal-istaff qed jintużaw bħala swali, li jagħmluha aktar diffiċli għall-infermiera biex jaħdmu mal-pazjenti peress li dawn ma kinux maħsuba biex ikunu swali.

Għaldaqstant l-Unjin qed tappella lill-Ministru jaġixxi b’mod responsabbli peress li l-isptar Mater Dei ma jistax jibqa’ jaħdem b’żieda daqshekk qawwija ta’ każijiet tal-Covid.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks