Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li s-self testing kits se jkunu legali f’Malta wkoll. Huwa qal li ladarba qed jonqsu l-miżuri jfisser li l-individwu għandu aktar responsabilità. Filwaqt li l-ittestjar b’xejn se jibqa’ jiġi offrut, wieħed se jkun jista’ jixtri self testing kit, li jkunu approvati mill-Awtorita tal-Mediċina. Kull min jirriżulta pożittiv għall-Covid-19 huwa mitlub li jċempel fuq 111 biex jinforma lill-awtoritajiet, u jkun meħtieġ li joqgħod kwarantina.

Ħabbar ukoll li se jiġi offrut b’mod volontarju t-tieni booster għal persuni vulnerabbli u residenti fid-djar tal-anzjani. Min jagħżel li ma jiħdux mhux se jiġi affettwat iċ-ċertifikat tat-tilqim.

Fakkar li minn nhar il-Ħadd 10 t’April jistgħu jsiru attivitajiet b’persuni bilwieqfa fuq barra mingħajr restrizzjonijiet. Attivitajiet b’persuni bilqiegħda fuq ġewwa ma jeħtiġux ċertifikat. Iċ-ċertifikat se jkun mitlub biss għall-attivitajiet b’persuni bilwieqfa fuq ġewwa.

Dan ifisser li minn nhar il-Ħadd jistgħu jibdew isiru l-festi u ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Għaldaqstant kemm il-purċissjonijiet kif ukoll il-festi tal-bliet u l-irħula jistgħu jsiru wkoll.

Il-Ministru qal ukoll li l-miżura li ma jistax ikun hemm aktar minn 6 persuni f’daqqa se titneħħa wkoll.

Minn wara l-vaganzi tal-Għid, l-użu tal-maskra fl-iskejjel mhux se jibqa’ obbligatorju.

Dwar l-ivvjaġġar, il-Ministru Fearne qal li minn nhar it-Tnejn il-11 t’April, dawk li ma jkunux imlaqqma kompletament xorta waħda jistgħu jiġu Malta. Dawk li jkunu fiequ mill-virus u jkollhom ċertifikat ta’ rkupru ta’ mhux aktar minn 180 ġurnata jew minn pajjiżi miż-żona l-ħamra u jkollhom test negattiv ta’ mhux aktar minn 72 siegħa qabel, se jkunu jistgħu jiġu Malta mingħajr ħtieġa li joqgħod kwarantina.

Il-kwarantina għal min jirriżulta pożittiv se tibqa’ mandatorja għal sebat ijiem u wara jagħmel test flimkien ma’ dawk li jgħixu miegħu.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks