L-attur Amerikan Will Smith irriżenja mill-Akkademja tal-Oscars wara li ta’ daqqa ta’ ħarta lill-komiku Chris Rock fuq il-palk waqt iċ-ċerimonja tal-Oscars.
Smith qal li l-azzjonijiet tiegħu fil-preżentazzjoni tal-94 edizzjoni tal-Academy Awards kienu xokkanti, inskużabbli u weġġgħu lin-nies.
L-Akkademja qalet li aċċettat ir-riżenja iżda se tkompli bil-proċeduri dixxiplinarji tagħha.
Smith ta’ daqqa ta’ ħarta lil Rock wara ċajta fuq ix-xagħar imqaxxar ta’ martu, riżultat tal-kundizzjoni alopecia, li twassal għal telf tax-xagħar.

Anqas minn siegħa wara, ingħata l-premju għall-aqwa attur għall-parti tiegħu f’King Richard, fejn interpreta l-missier tal-istilel tat-tennis Venus u Serena Williams.
“Il-lista ta’ dawk li reġġajt hija twila u tinkludi lil Chris, il-familja tiegħu, ħafna mill-għeżież ħbieb u l-maħbubin tiegħi, dawk kollha li attendew, u udjenzi minn madwar id-dinja. Ittradejt il-fiduċja tal-Akkademja. Ċaħħadt lin-nominati u rebbieħa oħra mill-opportunità tagħhom li jiċċelebraw u jiġu ċċelebrati għax-xogħol straordinarju tagħhom. Ninsab b’qalbi maqsuma.”
Will Smith
L-Academy of Motion Picture Arts and Sciences, li torganizza l-Oscars, hija organizzazzjoni globali b’madwar 10,000 membru.
Il-biċċa l-kbira tan-nies ma jistgħux japplikaw biex jissieħbu, iridu jkunu nominati minn tal-inqas żewġ membri eżistenti. Nies nominati għall-Oscar huma awtomatikament ikkunsidrati u m’għandhomx għalfejn jiġu nominati.
Smith qal li ried ipoġġi l-attenzjoni lura fuq dawk li jistħoqqilhom attenzjoni għall-kisbiet tagħhom.
Temm jgħid li l-bidla tieħu ż-żmien u qed jimpenja ruħu li jaħdem biex jiżgura li qatt ma jerġa’ jħalli l-vjolenza tegħleb ir-raġuni.
Rock indirizza l-episodju waqt stand-up show f’Boston nhar l-Erbgħa u qal li kien għadu qed jipproċessa dak li ġara.

Il-komiku ta’ 57 sena, li bħalissa għaddej bit-tour tiegħu Ego Death fl-Istati Uniti, intlaqa’ bi standing ovation mill-ammiraturi.
Rapporti qalu li Rock iddeċieda li ma jressaqx akkużi kriminali kontra Smith.
Il-mara ta’ Smith, l-attriċi Jada Pinkett Smith, tkellmet għall-ewwel darba wara dak li ġara permezz ta’ post qasir fuq Instagram fejn qalet “dan huwa staġun għall-fejqan u jien ninsab hawn għalih.”

