Select Page

Ilbieraħ, il-kantawtriċi Shirley Cachia nediet il-vidjow mużikali tal-kanzunetta oriġinali tagħha bl-isem ta’ Electricity.

Electricity hija l-kanzunetta li Shirley kantat parti minnha fl-audition tagħha tat-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta. Fil-fatt, Shirley tgħid li meta saret taf li ġiet aċċetata għal X Factor Malta, riedet tapplika b’kanzunetta oriġinali tagħha biex turi lill-udjenza l-kapaċità tagħha bħala awtriċi.

Shirley tgħid li waqt li kienet qed tikteb Electricity, kienet taf li din kienet il-kanzunetta li riedet tkanta fl-audition tagħha u għalhekk kitbet l-ewwel parti tal-kanzunetta għall-audition, li ntgħoġbot mill-ġurija kif ukoll mill-udjenza hekk kif ixxandret l-audition tagħha.

Kien għalhekk li Shirley ddeċidiet li tkompli tikteb il-kanzunetta sakemm proprju lbieraħ qasmet il-verżjoni sħiħa tal-kanzunetta flimkien ma’ vidjow mużikali mal-pubbliku.

Il-kanzunetta Electricity tittratta dwar iż-żewġ naħat tal-istorja mill-perspettiva ta’ partner, dwar l-uġigħ tal-passat u l-affarjiet li ma tkunx għamilt sew, li tibża’ imma xorta trid terġa’ tħobb lil xi ħadd. Tittratta wkoll dwar il-perspettiva l-oħra, li f’dan il-każ hija tar-raġel, id-dispjaċir li ma ttrattax lill-mara sew u issa jaf x’kellu u tilef.

Madanakollu, dejjem hemm tama li nagħmlu l-affarijiet sewwa jekk irridu, allura Electricity hija dwar it-tama li għandna bżonn biex inkomplu nimxu ‘l quddiem. Dan kollu huwa spjegat tajjeb fil-vidjow mużikali.

F’kuntatt li Shirley għamlet magħna, qaltilna li waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali, xħin kienet qed tinġibed ix-xena ta’ fuq il-baħar, ħarġu għalihom tal-patrol boats għax ħasbu li ġralhom xi ħaġa peress li kienet dgħajsa waħedha, u naturalment dgħajsa oħra viċin tagħha minn fejn beda jinġibed il-vidjow.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks