Iċ-ċkejken Chayan miet ftit ġranet biss wara li tbierek mill-Papa Franġisku waqt iż-żjara tiegħu f’Malta.

Chayan kien preżenti flimkien ma’ ommu fost dawk li l-Papa ltaqa’ magħhom fil-Bażilika ta’ San Pawl, ir-Rabat.

F’kummenti li qasmet ma’ tvmnews.mt, ommu Valerie Ciantar qalet li l-anġlu tagħhom Chayan kellu kundizzjoni tal-qalb u mar jiltaqa’ ma’ Alla lbieraħ fit-7:40.

Filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li kienu ta’ appoġġ għalihom matul dawn l-aħħar ġimgħat hija appellat għat-talb.

Minkejja ż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu l-ġenituri ta’ Chayan, l-omm esprimiet sens ta’ tama u kuraġġ li binhom miet bil-barka tal-Papa Franġisku.

Hija qalet li kien miraklu li Chayan kellu x-xorti li jiltaqa’ mal-Papa, għaliex meta twieled kienu qalulhom li kellu jdum jumejn jew tlieta biss ħaj iżda qalet li bis-saħħa t’Alla dam 5 xhur u nofs, li wassluh għall-barka tal-Papa wkoll. Valerie qalet li dan ifisser ħafna għaliha u li ċ-ċkejken miet waqt li kien rieqed u mistrieħ.

Il-funeral se jsir nhar is-Sibt li ġej fil-Bażilika tal-Isla. Kull min jattendi huwa mitlub jilbes ħwejjeġ ikkuluriti.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks