“Toni……” beda jgemgem waħdu hekk kif ħaffef mal-liwja tat-triq u wasal eżatt quddiem il-bank fejn kienu jiltaqgħu ta’ kull sena.
Ta’ kull sena.
Kienu ltaqgħu xi għaxar snin ilu.
Dakinhar, Karistu kien qed jibki xortih fuq il-bank li kien biswit daru, eżatt quddiem il-gabbana, bil-veduta tal-baħar, taħt siġra kbira tar-rummien. Fil-bidu, eżatt għaxar snin ilu, lanqas biss kien induna bih.
“Antonio Galea Sciortino jisimni,” kien qallu l-ġentlom li kien poġġa ħdejh snin ilu.
“Jien Karistu,” kien wieġbu b’leħen maħnuq. Dakinhar kien jiftakar li kellu ġuħ ta’ kelb. Kieku sab xi ħaġa f’xi tank taż-żibel żgur kien iniżżilha wkoll!
“Tista’ ssejjaħli Toni…..”
Dak il-ħin kien ħares f’għajnejh għall-ewwel darba. Għalkemm kien raġel liebes ilbies sabiħ, xagħru ppettnat b’mod perfett u kellu l-fwieħa kważi tistordik, Karistu kien ħa grazzja miegħu. U mid-dehra anke Antonio Galea Sciortino, jew insomma Toni! Għax kien qed jitbissimlu u jiggustah!
“Fejn toqgħod?” kien staqsih.
“Hawn wara. Żewġt ikmamar se jaqgħu. Waħdi. Jien noqgħod waħdi. Familja m’għandix. Flus lanqas.”
“Ejja miegħi. Il-familja tiegħi ma jiġux bħal dalgħodu. Nieklu ikla flimkien f’ristorant tajjeb!”
Għajnejn Karistu kienu xegħlu aktar mid-dawl li kien jarmi l-fanal tal-Għasri fi żmienu!
Pinu, li kien ibiegħ fil-gabbana, kien jiftaħ bħal lum ukoll. Kull nhar l-ewwel tas-sena filgħodu kien jiftaħ, iħabbru r-rebbieħ tal-lotterija l-kbira u jerġa’ jagħlaq minnufih ħalli jkompli mal-familja. Karistu tista’ tgħid, kull sena kien jiġbor xi ħaġa tal-flus għal biljett, bit-tama li jirbaħha hu. Kieku jirbaħ dik iċ-ċifra, kieku żgur kien jgħix komdu! Iżda b’xorti ħażina, Karistu qatt ma kien rebaħha. Dik is-sena li kienu ltaqgħu Toni u Karistu flimkien, Pinu kien ħassu sorpriż hekk kif rahom iqumu minn fuq il-bank u jitilqu flimkien. L-għada kien sar jaf illi milli jidher, dik is-sena Karistu kien kiel xi ikla kbira minn fuq dahar Toni!
“Hekk trid!” kien qallu.
Imma issa kien drahom. Kienu jiltaqgħu kull filgħodu, kull nhar l-ewwel tas-sena. Toni u Karistu.
Is-sinjur u l-fqir kienu jsejħulhom. Kulħadd kien jiggustahom u kienu saru s-sensazzjoni tar-raħal!

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks