In-numru sebgħa jissemma 735 darba fil-Bibbja u jintuża wkoll b’mod simboliku f’diversi aspetti tal-ħajja f’għadd ta’ kulturi minħabba l-konnessjoni li għandu mal-eternità, fost l-oħrajn. Sebgħa huwa wkoll l-isem tal-wirja tal-arti minn Mark Mallia u Etienne Farrell.

Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, l-artisti se jesebixxu seba’ biċċiet xogħol kull wieħed. Mallia jittratta s-seba’ rjus tad-dnubiet il-mejta, b’seba’ rappreżentazzjonijiet ta’ Kristu msallab, filwaqt li Farrell tinterpreta t-tradizzjoni tas-seba’ sjuf li nifdu qalb il-Madonna.

Mill-Ħadd l-10 t’April sas-16 t’April, Sibt il-Għid, il-Kappella tad-Duluri fl-Imqabba se tilqa’ fiha xogħol reliġjuż kontemporanju, imsawwar biex iqanqal mistoqsijiet dwar l-eżistenza tal-bniedem u t-tbatija f’sens wiesa’.

Xi nbidel f’aktar minn elfejn sena? X’qed nistennew minn Alla? Dawn il-mistoqsijiet, flimkien ma’ oħrajn, iż-żewġ artisti interpretawhom f’xogħol oriġinali, bl-użu ta’ materjali u tekniki artistiċi differenti li jikkumplimentaw lil xulxin u jikkomunikaw b’saħħa armonjuża bejniethom.

Grazzi għall-Kappillan tal-Imqabba, Dun John Curmi, il-wirja se ssir f’kappella li tmur lura għal qabel l-1500. Dan il-lok ta’ qima għadu jintuża għall-espożizzjoni tas-Sagrament. Għaldaqstant il-viżitaturi għandhom juru rispett u dinjità, kif inhu xieraq.

Il-wirja se tkun miftuħa kuljum mis-7pm sad-9pm. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, tkun miftuħa mid-9am sad-9pm.

Għal aktar tagħrif, segwu l-paġna Mallia-Farrell fuq Facebook.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks