Select Page

Il-fabbrika taċ-ċikkulata Kinder fil-Belġju ġiet ordnata tagħlaq wara li kienet marbuta ma’ għexieren ta’ każijiet ta’ salmonella.

L-awtorità tal-Belġju dwar is-sigurtà tal-ikel ordnat ukoll biex jiġu ritornati l-prodotti kollha tal-Kinder magħmula fil-fabbrika f’Arlon, li hija propjetà tal-Ferrero.

Każijiet suspettati ta’ salmonella marbuta maċ-ċikkulata tal-kinder ġew irrappurtati f’pajjiżi fosthom ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Belġju.

L-awtorità tal-Belġju għas-sigurtà tal-ikel, l-AFSCA, qalet li l-fabbrika kienet ordnata tagħlaq wara li l-Ferrero ma setgħetx tipprovdi informazzjoni sħiħa għall-investigazzjoni tagħha.

L-AFSCA qalet li l-investigazzjoni għadha għaddejja u li l-fabbrika titħalla terġa’ tiftaħ biss jekk il-Ferrero tkun tista’ tipprovdi l-garanziji meħtieġa li hija konformi mar-regolamenti tas-sigurtà tal-ikel.

Il-prodotti li ntalbu jiġu ritornati huma Kinder Surprise, Kinder Surprise Maxi, Kinder Mini Eggs u Kinder Schokobons.

L-AFSCA talbet ukoll lill-kumpaniji biex ineħħu l-prodotti mill-ixkafef tagħhom u tat parir lin-nies biex ma jikluhomx.

Nhar il-Ħamis, Ferreri talbet lura wħud miċ-ċikkulati tal-Kinder minn ħwienet fl-Istati Uniti minħabba tħassib dwar kontaminazzjoni potenzjali tas-salmonella.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, għadd ta’ prodotti tal-bajd taċ-ċikkulata Kinder Surprise ġew mitluba jiġu ritornati wkoll fir-Renju Unit.

Il-ħelu kollu affettwat kien sar fl-istess fabbrika Belġjana.

Ġew mitluba wkoll jiġu ritornati xi ċikkulati f’partijiet tal-Asja, inklużi Hong Kong u Singapor.

Dan kollu seħħ wara li aktar minn 60 persuna fir-Renju Unit, l-aktar tfal żgħar, ġew infettati bis-salmonella f’tifqigħa marbuta mal-band tal-Kinder Surprise.

Nhar l-Erbgħa, l-aġenzija tas-saħħa tal-Ewropa qalet li qed teżamina wkoll għexieren ta’ każijiet suspettati ta’ salmonella marbuta maċ-ċikkulata f’mill-inqas disa’ pajjiżi inklużi r-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Belġju.

Il-batterji tas-salmonella jistgħu jikkawżaw infezzjonijiet serji u severi, speċjalment fi tfal jew anzjani u oħrajn b’sistema immuni dgħajfa.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks