Fost oħrajn, jidher li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna qed taffettwa wkoll il-ġbejna tradizzjonali Maltija.
Dan għaliex minħabba l-gwerra, bosta raħħala li jagħmlu l-ġbejniet, qed ikollhom inaqqsu l-merħliet tagħhom drastikament billi joqtlu mijiet ta’ nagħaġ kull ġimgħa wara li l-prezz tal-ġwież għola ħafna fl-aħħar ġimgħat.
L-assoċjazzjoni tar-raħħala kellha taħdidiet mal-gvern hekk kif rekord ta’ 150 nagħġa li jipproduċu l-ħalib intbagħtu għall-qatla f’temp ta’ ftit jiem biss.
Normalment, kull ġimgħa jkun hemm madwar 20 nagħġa li jintbagħtu l-biċċerija. F’każ li jkun hemm madwar 50, issir investigazzjoni biex jaraw xi jkun ikkawża li dan in-numru jitla’, iżda l-pressjoni finanzjarja li għaddejjin minnha r-raħħala f’dawn l-aħħar ġimgħat wassal biex in-numru jitla’ sa aktar minn 100.
L-Ukrajna u r-Russja huma l-produtturi ewlenin tal-qamħirrun u x-xgħir, tnejn mill-komponenti ewlenin tal-għalf fl-irziezet.
F’kummenti li ta lit-Times of Malta, Publius Falzon, li jmexxi x-Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż qal li l-prezzijiet tal-għalf diġà kienu għoljin minħabba l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, li żdiedu b’madwar 50 fil-mija fl-aħħar xhur.
Żied jgħid li l-gwerra fl-Ukrajna qed tikkawża aktar instabbilità fil-prezzijiet u hija wkoll theddida għal din l-industrija, li tista’ ssir kompletament insostenibbli.
