L-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma’ jirnexxilux jiġi elett fl-elezzjonijiet każwali li saru dalgħodu.
B’reazzjoni għal dan, huwa tella’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, fejn ħabbar li se jkun qed jirtira mill-politika wara aktar minn 34 sena u jiffoka aktar fuq il-ħajja professjonali tiegħu
Madanakollu, huwa qal li se jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ kull min ikollu bżonn l-għajnuna tiegħu. Żied jgħid li dmiru lejn pajjiżu se jkompli jwettqu bl-istess impenn, f’għalqa differenti. Qal ukoll li jħoss serenità kbira li wettaq dmiru mill-qalb kull meta ġie msejjaħ.
Jason Azzopardi rrimarka wkoll kif matul is-snin twal ta’ xogħol fissru sagrifiċċji inkluż li tefa’ ħajtu f’sogru iżda jħossu kburi li dejjem ħares l-integrità tiegħu, minkejja li sostna li tħalla iżolat apposta, saħansitra minn ta’ ġewwa stess. Minkejja dan, huwa stqarr li dawn is-snin għenuh jikber u jitgħallem.
Semma wkoll lil dawk tawh il-fiduċja tagħhom matul is-snin u li magħhom qasam diversi mumenti.
Jason sostna li għandu l-kuxjenza nadifa u li dejjem mexa b’intenzjoni retta, u filwaqt li talab maħfra lil min naqas u fejn żbalja, assigura li se jibqa’ jara li ssir ġustizzja u tkun magħrufa l-verità, huma min huma.
Filwaqt li saħaq li s-sewwa jirbaħ iżda mhux meta u kif irridu aħna, qal ukoll li ladarba jibdew joħorġu r-riżultati ta’ diversi inkjesti fix-xhur li ġejjin, tibda toħroġ il-verità u r-raġuni għala huwa kien skomdu għal uħud u għala kien hemm l-attakki kontinwi kontrih mill-kamp Laburista u bnadi oħra.
