Il-President Russu Vladimir Putin iddikjara li se jkompli l-invażjoni fl-Ukrajna sakemm jintlaħqu l-għanijiet “nobbli” ta’ pajjiżu.
F’dehra pubblika, huwa qal li t-taħdidiet ta’ paċi ma wasslu għall-ebda ftehim u saħaq li l-invażjoni, li tinsab fis-sitt ġimgħa tagħha, sejra kif ippjanat.
Dawn kienu l-ewwel kummenti ta’ Putin dwar il-kunflitt f’aktar minn ġimgħa, għaliex b’kuntrast mal-bidu tal-gwerra, reċentement huwa żamm lura milli jikkummenta dwar l-invażjoni.
Huwa qal dan waqt li kien qed iżur faċilità spazjali fil-Lvant tar-Russja mal-mexxej tal-Belarussja Alexander Lukashenko, wieħed mill-eqreb alleati tiegħu, biex jimmarka l-61 anniversarju minn meta Yuri Gagarin sar l-ewwel bniedem li vvjaġġa fl-ispazju.
Madanakollu, uffiċjal Ukren qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li n-negozjati huma diffiċli iżda għadhom għaddejjin.
Il-mexxej Russu sostna li ma kellux għażla oħra ħlief li jordna l-invażjoni biex jipproteġi lill-kelliema Russi fil-Lvant tal-Ukrajna.
Sostna li l-Ukrajna wettqet ġenoċidju kontra kelliema Russi fil-Lvant tal-Ukrajna, iżda m’hemm l-ebda evidenza li tappoġġja dan.
