Il-ġurnalist Mark Laurence Zammit kien fost aktar minn 70 ġurnalist li kienu fuq l-ajruplan tal-Papa Franġisku waqt it-titjira tiegħu lejn Malta.

F’kuntatt li għamilna, Mark spjegalna xi tfisser li tkun ġurnalist fuq l-ajruplan tal-Papa kif ukoll x’jaħseb dwar il-Papa Franġisku.

Il-Papa jieħu l-ġurnalisti miegħu f’kull vjaġġ Appostoliku. Ikun hemm ġurnalisti diġà qegħdin fil-post, imma jkun hemm dawk li jivvjaġġaw mal-Papa. Dan ifisser li huma obbligati li jitilqu miegħu minn Ruma, iduru miegħu fil-postijiet li jżur u jirritornaw miegħu Ruma wara l-vjaġġ. F’dal-vjaġġ kien hemm ftit iktar minn 70 ġurnalist minn madwar id-dinja kollha fuq dak li jgħidulu l-“Papal Flight”. Kien hemm mill-AFP, CNN, NBC, CBS, Rai, u oħrajn.

“Ħafna minnhom jivvjaġġaw miegħu f’kull vjaġġ li jmur allura kienu mdorrijin b’dal-proċess. Għall-vjaġġ f’Malta konna 3 Maltin. Allura jiena kelli ntir minn Malta għal Ruma l-Ġimgħa l-1 ta’ April filgħodu. Mort il-Vatikan niġbor accreditation fejn iltqajt mal-ġurnalisti l-oħrajn kollha u kellna laqgħa biex jispjegawlna x’se jiġri. Spjegawlna x’se jkun qed jagħmel il-Papa u f’liema mumenti nistgħu u ma nistgħux niffilmjaw. Is-Sibt it-2 ta’ April sbaħna kmieni Fiumicino.”

Mark Laurence Zammit

Mark qalilna li l-ġurnalisti fuq il-Papal Flight mhux biss iridu jirkbu l-ajruplan mal-Papa kull darba, imma fil-każ tiegħu, li kien Malti, ma setax jorqod id-dar tiegħu f’Malta u ma setax juża l-karozza tiegħu, u joħroġ mid-delegazzjoni. Kulħadd ried jibqa’ flimkien, jivvjaġġa flimkien u jgħix flimkien, fl-istess lukanda.

“L-ajruport ta’ Ruma qabel tlaqna saħansitra ġabru l-passaport ta’ kulħadd u tawulna qabel erġajna dħalna fuq l-ajruplan minn Malta għal Ruma.”

Mark Laurence Zammit

Mark spjega li fuq l-ajruplan kien hemm il-Papa, in-nies li jgħinuh, is-security tiegħu, dinjitarji Maltin, il-Kardinal Mario Grech u mbagħad, min-nofs lura, il-ġurnalisti kollha. Il-Papa poġġa fuq quddiem imma fit-triq lejn Malta qam u dar l-ajruplan kollu u kellem lil kulħadd wieħed wieħed.

L-iktar ħaġa li impressjonat lil Mark dwar iż-żjara Appostolika kienet is-sigurtà u l-protocol.

“Tgħallimt li żjara Appostolika hija operazzjoni kkumplikata immens li tinvolvi mijiet ta’ nies, imma li hija kkordinata b’mod tant professjonali li kollox jimxi perfett to the minute.”

Mark Laurence Zammit

Dwar il-Papa Franġisku, Mark qalilna li impressjonah il-fatt li minkejja li l-Papa għandu ż-żmien u l-vjaġġ lejn Malta kien pjuttost turbolenti minħabba l-maltemp, baqa’ baqa’ sakemm kellem lil kull min kien miegħu fuq l-ajruplan.

“Vera li jidher anzjan u muġugħ, però ma jidhirx bla ħeġġa. Irid jisma’ u jiltaqa’ man-nies u jkun jaf kollox x’inhu għaddej. Moħħu jidher luċidu u jrid ikun viċin in-nies.”

Mark Laurence Zammit

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks