“Rajtu xi jrid Karistu!” kienu jibdew jgħidulu n-nies. Iżda Karistu lanqas biss kien ikellimhom. Hemm fir-raħal ma kien ikellem lil ħadd.
Il-bank tal-injam miżbugħ aħdar.
Is-siġra l-kbira tar-rummien.
Il-veduta sabiħa tal-baħar.
Pinu fil-gabbana, jistenna li jitħabbar in-numru rebbieħ.
Karistu sellem lil Pinu u mar poġġa bilqiegħda fuq il-bank, jistenna lil Toni jiġi. Qalbu kienet kważi qiegħda tħabbat b’mod mhux normali bl-eċċitament.
Lil Toni kien sar iħobbu. Qatt ma kien se jinsa dak li kien għamel miegħu. Ta’ kull sena kien iħossu sinjur bħalu, kien jitwennes bil-kumpanija tiegħu u kien jiekol kważi sakemm jagħmillu d-deni ħalli jpatti ta’ li ma kienx jiekol f’sena sħiħa.
Karistu sema’ l-passi resqin lejh minn wara u dar minnufih ħalli jara jekk kienx Toni. Iżda kienu xi koppja li waqfu quddiem il-gabbana ta’ Pinu ħalli jixtru s-sigaretti.
“Donnu se jittardja dis-sena!” qallu Pinu minn ġol-gabbana.
Karistu ħass l-istonku kważi juġgħu. Kien bilġuħ. Bilġuħ ħafna. Qam bilwieqfa biex jagħti titwila iżda Toni kien għadu ma kien jidher imkien.
“Issa jekk ġralu xi ħaġa?” Karistu beda jistaqsi lilu nnifsu. Tant kemm ħassu fjakk, li malli qam bilwieqfa, beda jħoss l-isturdament jieħu kontroll ta’ ġismu. Imma jekk jagħlaq għajnejh għal ħames minuti, kien jgħaddilu bħas-soltu.
Li ġara dak il-ħin, kien donnu qisu ħolma. Minn fuq ir-radju illi kellu Pinu tal-gabbana beda jisma’ n-numru tal-lotterija se jitħabbar. Pinu u xi nies li kien hemm quddiem il-gabbana bdew jistennew bil-ħerqa. Kulħadd bil-biljett f’idu.
“In-numru ħamsa u ħamsin!” instema’ l-leħen pulit iħabbar fuq ir-radju.
Kien tela’ n-numru ħamsa u ħamsin.
Karistu tbissem waħdu u beda jaħseb f’min jaf kemm ir-rebbieħ kien se jkun ferħan bin-nofs miljun ewro li kien hemm bħala premju. Kien dak il-ħin preċiż li ħass għoqla kbira fi griżmejh u beda jberraq għajnejh.
B’idu tirtogħod, daħħal idejh fil-qalziet imraqqa’ illi kien liebes u ħareġ il-biljett tiegħu. Il-bank tal-injam, is-siġra, il-baħar u l-gabbana beda jarahom iduru kollha bih f’ċirku! Ħamsa u ħamsin! In-numru tiegħu! Kien rebaħ hu!
“Pinu!” beda jgħajjat bla nifs. “Pinu! Irbaħt Pinu! In-numru tiegħi!”
In-nies kollha li kien hemm quddiem il-gabbana bdew iħarsu lejh u jistagħġbu. Dik is-sena, il-lotterija l-kbira tal-ewwel tas-sena kien rebaħha Karistu l-imsejken, li kien joqgħod fiż-żewġt ikmamar nofshom imwaqqgħin fl-għelieqi.
Imbagħad dlam.
Kien ħassu ħażin!
Għaddiet sena preċiż.
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Avukata u Awtriċi