Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy qal li l-Ukrajna mhix lesta li ċċedi territorju fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż biex ittemm il-gwerra mar-Russja, u l-militari Ukreni lesti jiġġieldu lill-militari tar-Russja fir-reġjun ta’ Donbas f’battalja li hu jgħid li tista’ tinfluwenza l-andament tal-gwerra kollha.
F’intervista mill-uffiċċju tal-president fi Kyiv mas-CNN, Zelenskyy qal li pajjiżu m’għandu l-ebda garanzija li r-Russja ma terġax tipprova taħkem Kyiv jekk jirnexxilha tieħu Donbas taħt idejha. Żied jgħid li din hi r-raġuni li huwa importanti li ma jħallux li dan iseħħ.
Għaddew aktar minn 7 ġimgħat mill-bidu tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, li matulhom ir-Russja sabet reżistenza qawwija u li ma kinitx mistennija, mill-Forzi Ukreni.
