Fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg qal li tkellem mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba.

Il-Ministru Ian Borg qal li Dmytro Kuleba esprima l-gratitudni tal-Gvern Ukren lejn Malta tal-għajnuna li qed tingħata lill-poplu Ukren, kemm dik umanitarja, interventi mediċi u edukattiva, kif ukoll li qed tilqa’ refuġjati Ukreni.

Fil-kuntatt li għamel mal-Ministru Ukren, il-Ministru Ian Borg qal li infurmah ukoll li Malta hija b’mod sħiħ parti mis-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja mill-Unjoni Ewropea u kommessi li jiġu implimentati.

Qal ukoll li l-Ministru Ukren fehem għaliex Malta s’issa għadha ma keċċietx diplomatiċi Russi, u dan, skont il-Ministru Ian Borg, minħabba ċ-ċokon tal-Ambaxxata Maltija f’Moska.

Fl-aħħarnett, il-Ministru Ian Borg qal li talbu jikkunsidra sabiex il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy jindirizza lill-Parlament Malti wara li jerġa’ jiftaħ, fejn sostna li din it-talba ġiet apprezzata mill-Ministru Ukren u wiegħed li se jirrakkomanda biex dan isir.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks