Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-preżentatriċi Moira Delia, esprimiet it-tħassib tagħha dwar is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.

Fil-post tagħha, Moira rrimarkat li s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said “kuntenta bil-qtil tal-għasafar.”

Dan wara li s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, ġurnata qabel il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fis-17 t’April, qalet li tinsab sodisfatta bil-ħidma li saret sabiex it-tradizzjonijiet li jagħmluna Maltin jiġu ssalvagwardjati. Hija awgurat ukoll staġun tajjeb u responsabbli lill-kaċċaturi kollha.

B’reazzjoni għal dan, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina qalet li minkejja li l-kaċċa mhijiex ikkunsidrata illegali u krudili skont l-Att tal-Ħarsien għall-Annimali, fil-fehma tagħha, qtil tal-annimali f’dan il-kuntest mhuwiex etiku u filwaqt li ma tistax twaqqafhom, qatt mhi se tapprovahom.

Bosta kkritikaw lil Moira Delia għar-reazzjoni tagħha, b’uħud minnhom semmew il-fatt li Moira kienet tippreżenta programm tat-tisjir u li fih kien ikun hemm diversi riċetti li jinkludu l-għasafar.

Għal din il-kritika Moira wieġbet li meta r-riċetta kienet tinkludi l-għasafar, qatt ma kienet tikolhom.

Hija assigurat ukoll li x-xogħol tagħha għal dawk li m’għandhomx vuċi mhu se jieqaf qatt.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks